Raġel ta’ 44 sena residenti Ħal Tarxien ġie arrestat b’rabta ma’ allegat kultivazzjoni ta’ pjanti tal-kannabis.
Il-pjanti nstabu wara li t-Tnejn, għal xi s-sebgħa ta’ filgħaxija persuna għamlet rapport fl-Għassa ta’ Ħaż Żabbar, li sabet xi oġġetti neqsin mir-residenza tagħha u indikat min allegatament seta’ kien involut. Għaldaqstant, il-pulizija tkellmu ma’ din il-persuna u flimkien miegħu, marru fir-residenza tiegħu f’Ħal Tarxien biex issir tfittxija.
Waqt it-tfittxija il-pulizija innutaw ammont konsiderevoli ta’ pjanti tal-kannabis li kienu qegħdin jiġu kkultivati, waqt li ġew elevati iżjed minn €15,000 fi flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.