Jingħata kumpens ta’ €72,000 għax ma setax ibiddel il-kera
Permezz ta’ serje ta’ kalkoli kkumplikati, il-Qorti waslet għas-somma ta’ €66,525.01 f’danni minħabba t-telf ta’ dħul minn kera ġusta, li magħha żiedet is-somma ta’ €6,000 għal danni mhux pekunjarji, għal total ta’ €72,525.01
minn Staff Reporter
L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri ordnat lill-istat Malti jħallas ’il fuq minn €72,000 f’kumpens lil sid ta’ fond mikri li ma setax jibdel il-kera għal bosta snin minħabba liġijiet antiki.
Adrian Balzan kien beda proċeduri konta l-Avukat tal-istat u Maria Bianchi li kienet tokkupa fond f’Santa Venera li Balzan kien wiret mingħand missieru.
Il-fond kien oriġinarjament konċess mingħand omm Balzan lil George Bianchi permezz ta’ kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika temporanja fl-1965, twila 17-il sena. Bianchi kellu jħallas subċens ta’ Lm30 fis-sena. Meta l-konċessjoni enfitewtika temporanja skadiet fl-1982, Bianchi kien beda jokkupa l-fond bħala inkwilin, skont il-liġijiet ta’ dak iż-żmien.
Wara l-mewt ta’ Bianchi, martu Maria kienet baqgħet tgħix fil-propjetà, mikrija bir-rata ta’ €288 fis-sena mingħand Balzan. Minn dak iż-żmien sal-preżent, minħabba li l-kera oriġinali kienet saret taħt l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll ta’ Djar, il-kirja la setgħet tiżdied u lanqas ma setgħet tiġi rrifjutata mis-sid.
Dan minħabba li l-kirja kienet protetta minn liġi tal-1979 li kienet ikkonvertiet kirjiet temporanji f’kuntratti ta’ kiri permanenti. Għal snin sħaħ, inkwilini li l-kirjiet tagħhom kien inbidel b’dan il-mod, gawdew minn rati annwali ta’ kera tant baxxi li biż-żmien kienu saru redikoli. Din is-sitwazzjoni kienet inbidlet wara diversi sentenzi mill-qrati Maltin kif ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, li ma ħallew l-ebda għażla lill-Gvern ħlief li jemenda l-liġijiet sabiex jevita valanga ta’ talbiet għal kumpens u danni li kienu jiġu jiswewh miljuni kbar.
Balzan kien argumenta li minkejja żviluppi leġiżlattivi li saru fl-2021, kien baqa’ żbilanċ u inġustizzja fid-drittijiet tiegħu bħala sid, minħabba l-fatt li l-valur tal-kirja fis-suq kien saret ferm ogħla minn dak kontemplat fil-liġi.
Huwa qal li kien qed isofri diskriminazzjoni li toħroġ ċara mill-fatt illi s-sidien li ma krewx il-propjetà qabel l-1995, għandhom id-dritt jirrifjutaw it-tiġdid tal-kuntratt ta’ kera meta ż-żmien tal-kirja jintemm u jistgħu anke jikkonċedu l-kunsens sabiex ikun hemm żieda fil-kirja.
Min-naħa l-oħra, l-inkwilina Maria Bianchi, li mietet fil-mori tal-kawża, kienet tħallas €288 fis-sena bħala kera u bil-liġijiet ta’ dak iż-żmien, il-kirja kienet tiġġedded b’mod indefinit u rrendewha impossibbli li terġa’ tieħu lura l-fond.
L-Avukat tal-istat kien iddikjara li kien sodisfatt mill-provi miġjuba li Balzan kien is-sid tal-fond, iżda kien irribatta l-ilment ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali billi argumenta, fost affarijiet oħra, li d-dritt tat-tgawdija paċifika tal-propjetà kien japplika biss għal każijiet ta’ teħid forzuż.
Iżda l-Qorti ma qablitx u qalet li hija tal-fehma li dan id-dritt japplika għal dan il-każ. L-Imħallef Vella Cuschieri kkwotat skorta ta’ deċiżjonijiet kemm mill-qrati Maltin, kif ukoll minn Strasburgu, li kienu kkonfermaw li l-liġi tal-1979 kienet ħolqot relazzjoni furzata bejn is-sid u l-inkwilin għal żmien indefinit.
Dan kien wassal għad-deprivazzjoni “kważi assoluta” tad-drittijiet tas-sid, tant li kien sar kważi impossibbli għas-sid li jerġa’ jieħu lura l-pussess tal-propjetà tiegħu fi żmien prevedibbli u definittiv, u fl-istess ħin jirċievi kumpens minimu, qalet il-Qorti.
Għalkemm ir-restrizzjonijiet fuq is-sid kienu joħorġu minn qafas legali, bit-trapass taż-żmien kien nibet dubju jekk l-għan soċjali li għalih kienu ġew introdotti dawn il-kirjiet kienx għadu jeżisti fis-sitwazzjoni preżenti jew le.
Il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ, partikolarment l-assenza ta’ eżami tal-mezzi fil-liġi tal-1979, u t-trapass ta’ snin u bidliet oħra fil-pajjiż, l-element ta’ proporzjonalità llum il-ġurnata kien ġie nieqes.
“Dak li kien bżonjuż iktar minn tletin sena ilu ma jfissirx li baqa’ ġustifikat illum il-ġurnata.”
Għaldaqstant il-Qorti qieset li l-ilment ta’ Balzan kien wieħed ġustifikat.
L-Avukat tal-istat qal illi r-rikorrenti lanqas biss ressaq prova mqar
tal-valur fis-suq miftuħ tal-fond fis-snin qabel l-2006 sabiex
imqar il-Qorti tista’ b’xi mod tasal għall-valur lokatizzju hi stess
b’xi kalkolu matematiku jekk tiddeċiedi illi tieħu dan il-kompitù f’idejha meta rinfaċċjata bin-nuqqas tar-rikorrent illi jressaq din il-prova. Il-Qorti fiċ-ċirkostanzi tqis illi mhijiex se taddotta dak issuġġerit mir-rikorrenti, jiġifieri li ma tagħmilx it-tnaqqis ta’ 30% u 20%, u lanqas ma tqis li għandha taċċetta dak issuġġerit mill-Avukat tal-Istat u ma tagħtix kumpens għas-snin ta’ qabel l-2006
sal-1987.
Permezz ta’ serje ta’ kalkoli kkumplikati, il-Qorti waslet għas-somma ta’ €66,525.01 f’danni minħabba t-telf ta’ dħul minn kera ġusta, li magħha żiedet is-somma ta’ €6,000 għal danni mhux pekunjarji, għal total ta’ €72,525.01. Flimkien ma’ dawn, l-Avukat taal-istat ġie wkoll ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.
Minħabba li l-Qorti sabet ksur ta’ drittijiet fondamentali minħabba applikazzjonijiet ta’ liġijiet, ordnat li kopja tad-deċiżjoni tintbagħat lill-Ispeaker tal-Parlament.
L-Avukat Edmond Cuschieri deher għall-attur Adrian Balzan, filwaqt li l-Avukat Corinne Pace deħret għall-konvenuti.