Sitt xhur ħabs wara li pprova jħalli Malta b'dokument falz

Żagħżugħ ta' 21 sena ġie kundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li ffalsifika karta tal-identità Belġjana sabiex jaħrab minn Malta

Marokkin ta’ 21 sena ġie kundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li ammetta li ffalsifika karta tal-identità Belġjana sabiex jaħrab minn Malta. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts qal li bħal lum ġimgħa filgħaxija, Osama Gushgel ippreżenta ruħu fit-'ticket booth' biex jaqbad titjira lejn Bergamo, fejn l-persuna nkarigata mill-imbark innutat li l-karta tal-identità kienet falza.

Gushgel ġie arrestat fuq il-post u wara li ġie interrogat, ammetta li xtara karta tal-identità Belġjana għal valur ta’ 300 mitt ewro minn persuna mit-Turkija bil-għan li jaħrab minn Malta. Fil-Qorti, l-prosekuzzjoni flimkien mal-Avukat tad-difiża Martha Mifsud qablu li l-piena għandha tkun minima minħabba li l-akkużat kkopera mill-ewwel mal-pulizija u ammetta għar-reat fi stadju bikri tal-proċeduri.

More in Qrati u Pulizija