Waqt l-Inkjesta ta’ Sofia tressqet xhieda li tikkontradixxi dak li ntqal mill-Perit Martin Debono meta stqarr li x-xogħol fuq Kodiċi tal-Bini kien lest u dawn inżammu b’ordni tal-Amministrazzjoni attwali.
Meta kien reġa’ msejjaħ biex jixhed waqt l-aħħar seduta tal-Inkjesta ta’ Sofia ta’ nhar it-Tnejn, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) Jesmond Muscat ippreżenta emails lill-Bord ta’ Inkjesta li juru li f’Ottubru 2022, ftit ġimgħat biss qabel it-traġedja ta’ Sofia, ix-xogħol dwar il-Kodiċi tal-Bini kien għadu ma ġiex konkluż. It-tfassil tal-Kodiċi tal-Bini kien fdat f’idejn Martin Debono.
Minn informazzjoni miġbura minn din il-gazzetta jirriżulta li l-ewwel email inkitbet f’April tal-2022 meta Jesmond Muscat kien għadu ma nħatarx Kap Eżekuttiv tal-BCA. F’din l-email lill-Perit Charles Buhagiar (Chairperson BICC) u lill-Perit Martin Debono, Karl Azzopardi – li kien il-Kap Eżekuttiv tal-BCA – kien qed jilmenta dwar il-prokrastinazzjoni li qed issir fil-konklużjoni tal-ħidma fuq dawn il-Kodiċi wara li dak li kien propost min-naħa tal-Kamra tal-Periti (KTP) ma kienx aċċettat.
Jirriżulta wkoll li ftit ġimgħat wara l-ħatra tiegħu bħala Kap Eżekuttiv, Muscat talab lil Debono għal dettalji dwar l-istat attwali fir-rigward tax-xogħol li qed isir fuq il-Kodiċi tal-Bini. Huwa staqsa dwar il-kompiti li qed isiru, iż-żmien, min ġie assenjat għal dawn il-kompiti, liema kompiti kienu jew ma kinux relatati mal-BCA u kif ix-xogħol kien miexi fuq kull kompitu.
Kif xehed fil-Qorti, f’Novembru 2022, Muscat talab lill-Perit Debono biex jibgħatlu email bid-dettalji dwar dak li ġie ppreżentat lilu u l-progress miksub fuq kull kodiċi tal-bini. Mill-ispreadsheet ippreżentata u esebita fil-Qorti minn Muscat, irriżulta li lanqas kodiċi wieħed tal-bini ma kien għadu lest.
F’Marzu ta’ din is-sena Muscat kiteb lill-Bord tal-BCA biex jinfurmahom dwar punti ta’ oġġezzjoni li kellu għal sezzjonijiet ta’ wieħed mill-kodiċi tal-bini li rċieva li jirreferu għal “strutturi”. Muscat talab lill-Membri tal-bord tal-BCA biex jevalwaw il-punti tiegħu u jagħtuh informazzjoni lura dwarhom. Dan kollu juri li x-xogħol fuq dawn il-kodiċi tal-bini kien għadu ma ġiex konkluż.
U għal dak li ntqal waqt l-inkjesta mill-eks impjegat ta’ BCA Michael Ferry, xehed Kurt Scerri mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta li meta seħħ l-inċident ta’ Jean Paul Sofia, il-BCA ma kinitx responsabbli għar-regolamenti ta’ ġestjoni tal-Maniġment tal-Kostruzzjoni tas-sit peress li dawn ġew trasferiti lill-BCA fis-16 ta’ Diċembru 2022, ftit jiem wara t-traġedja ta’ Sofia. Dawn qabel kienu taħt ir-responsabbiltà formali tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Waqt ix-xhieda ta’ Scerri qamu dubji serji dwar jekk xi regolamenti dwar il-kostruzzjoni fil-fatt jittrattawx għal bini indipendenti peress li l-fokus ewlieni ta’ dawn ir-regolamenti jidher li huwa dwar ħsara lil terzi persuni u lill-ambjent. Il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ġiet fdata mill-Ministru ta’ Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, biex tiġbor kompendju tal-liġijiet kollha li jittrattaw il-kostruzzjoni bl-għan li dawn il-liġijiet jiġu kkonsolidati u ssimplifikati.