Mekkanik ta’ 27 sena nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li weġġa’ b’mod gravi Surgent tal-Pulizija li prova jwaqqfu milli jsuq.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat, minn Birżebbuġa, rċieva telefonata mill-Pulizija sabiex iċaqlaq il-vann tiegħu, tal-għamla Ford Transit, minħabba li dan kien qed jimblokka garaxx. Meta mar fuq il-post, hu qal li ma setgħax iċaqalqu għax kellu problem fil-magna.
Waqt li kien qed jipprova jixgħelu, il-Pulizija allegatament indunaw li l-pjanċi ma kienux jaqblu ma’ dak li kien imniżżel fid-dokumenti, bl-akkużat jgħid li dawn kienu ta’ karozza oħra.
Wara li irnexxielu jixgħel il-magna, is-Surġent avża lill-akkużat sabiex ma jsuqx, hekk kif il-vettura kienet se tkun ikkonfiskata, filwaqt li qagħad quddiem il-vettura. L-akkużat saq xorta waħda, filwaqt li għadda minn fuq sieq is-Surgent.
Minn hemm bdiet tfittxija għall-akkużat, li wasslet għas-sejba tiegħu, kif ukoll tal-vann, li kien ikkonfiskat.
L-avukati tad-difiża Franco Debono u Anthony Stellini talbu għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
Dan wara li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, abbażi tal-fatt li numra ta xhieda kien għad jonqoshom jidhru, kif ukoll li l-akkużat affaċċja akkużi simili fil-passat.