Il-Qorti iddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza biex mara li serqet €110,000 mill-kumpanija li kienet taħdem fiha, meta allegatament sfat vittma ta' 'romance fraud', titpoġġa taħt att t'akkuża.
L-ispettur fi ħdan id-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet tar-Reati Kriminali, xehed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li f'Marzu tal-2022 il-pulizija kienet irċeviet rapport minn azzjonist (shareholder) ta' kumpanija. L-Ispettur spjega li l-azzjonist kien ikkuntattjat mill-BOV dwar trasferimenti suspettużi mill-kontijiet tal-kumpaniji għal kont ta' waħda mill-impjegati tagħha.
Is-sistema interna tal-kumpanija kienet indikat li dawn il-pagamenti kienu qed isiru għal fornitur u saħansitra saru numru ta' riċevuti falzi biex dawn it-trasferimenti jkunu kredibbli. Minkejja dan, kollu kien ta' xejn hekk kif id-dokumenti tal-bank wrew storja kompletament differenti. Dawn wrew li l-fondi ġew trasferiti fil-kont personali tal-akkużata, li sussegwentament kienu qed jerġgħu jiġu traferiti f'kontijiet oħra: fin-Niġerja, fl-Ukrajna u fiċ-Ċina. B'kollox l-ammont li ġie trasferit kien ta' €110,000.
L-Ispettur kompla jispjega li dakinhar li sar ir-rapport, is-sidien tal-kumpanija infurmaw lill-pulizija li l-mara ammettiet li għamlet it-tranżazzjonijiet u spjegat li kienet qed tiġi mhedda minn persuni anonimi, li kienet iltaqgħet magħhom online. Hija ġiet imsejħa għal interrogazzjoni aktar minn darba u għażlet li teżerċita d-dritt tas-silenzju, kull darba.
F'seduta preċedenti s-sid tal-kumpanija xehed li kien tkellem mal-akkużata, li kienet accountant fl-eżekuttiv u li għaldaqstant kienet persuna meqjusa affidabbli. Dakinhar huwa qal illi kienet ammettiet miegħu li ġiet imqarrqa romantikament u li eventwalment kienet fetħet qalbha ma' xi kollegi. Fil-fatt qal illi dawn l-istess kollegi kienu ikkonfermaw dan kollu meta ġew mistoqsija.
Illum is-sid reġa' xehed fl-Qorti u eżebixxa d-dokumenti kollha tal-kont tal-kumpanija, id-dokumenti mogħtija mill-akkużata innifisha u l-irċevuti li kienet iffalsifikat.
B'hekk il-Qorti sabet biżżejjed provi biex tpoġġi lill-vittma taħt att t'akkuża.