Raġel ma jinstabx ħati ta' qtil involuntarju fuq żagħżugħ fuq il-post tax-xogħol

Il-Qorti nnutat li l-imputat għamel l-obbligi kollha tiegħu meta staqsa lill-vittma darbtejn għall-assigurazzjoni qabel xegħel il-magna li fiha nqabad il-vittma.

Il-Qorti lliberat lil David Peter Blundell ta’ 46 sena minn kull ħtija, wara li ġie mixli li xegħel magna li kkaġunat il-mewt tal-kollega tiegħu, Matthew Bartolo.

Il-każ imur lura għall-4 ta’ Ġunju tal-2015. Il-Qorti kienet semgħet li dakinhar, Bartolo kien qiegħed taħt is-superviżjoni ta’ Blundell minħabba li kellu biss 17-il sena, kif ukoll minħabba li l-magna li kienu se joperaw kienet waħda perikoluża. Instema’ kif Bartolo nqabad fil-magna ftit wara li poġġew folja tal-injam fuq il-mejda biex jibdew jaħdmu bieb.

Fil-Qorti tul is-snin kienu taw ix-xhieda tagħhom numru ta’ kollegi tagħhom. Fosthom instema’ kif Bartolo kien inqabad fil-magna meta xegħelha l-imputat, iżda ħareġ li Blundell għamel hekk wara li għal darbtejn, staqsa lil Bartolo jekk kollox kienx sew. 

Il-Maġistrat żied jgħid li minkejja li tressqu l-provi li juru x’kien ġara qabel ma xegħlet il-magna, iżda ma tressqux provi dwar x’kien ġara wara.

Il-Qorti stqarret li Blundell wettaq l-obbligu tiegħu darbtejn meta staqsa lill-vittma biex jassigura li kollox kien sew qabel xegħel il-magna, għalhekk ikkonkludiet li l-imputat ma naqasx mill-obbligi tiegħu.

More in Qrati u Pulizija