'Ġimgħa oħra nkun il-ħabs' - Roderick Cassar lil ibnu

Bernice tant kienet beżgħana li meta tasal ix-xogħol, kienet tiċċekkja t-triq u qabel ma taċċerta li hi sigura ma kinitx tinżel mill-karozza msakkra 

Ftit żmien qabel ma' nqatlet Bernice, Roderick Cassar qal lil ibnu, "fi żmien ġimgħa nkun il-ħabs." Dan intqal illum waqt ix-xhieda ta' oħt il-vittma fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-konfront ta' Roderick Cassar, l-allegat qattiel u r-raġel tal-vittma. Apparti minn hekk, meta kienu għadhom jgħixu flimkien, Cassar beda jsabbat pistola tas-silicon fuq il-mejda u jheddida, "b'dan noqtlok!"

Bernice tilfet ħajjitha traġikament nhar it-22 ta' Novembru 2022, fi triqitha lejn il-post tax-xogħol fiż-żona industrijali Ta' Kordin. 

Oħt il-vittma qalet li l-vjolenza fuq Bernice ma bdietx mil-lum għall-għada anzi, tirrakkonta li snin qabel, meta binhom kien għadu kif għalaq sentejn, Cassar kien sab groupchat tagħha ma' xi kollegi tax-xogħol u li fih bdew jiċċajtaw ma' Bernice. Minħabba dan il-groupchat, tgħid illi lanqas attenda għall-festin ta' binhom. "L-għada sawwatha," qalet oħt il-vittma. Hija kompliet tgħid li kienet lemħet tbeġil sostanzjali ma' għonqa bħal li kieku ġiet fgata. "Minn hemm bdejna ninnotaw," kompliet oħt il-vittma.

Ix-xhud qalet illi Bernice tant kienet beżgħana tgħix taħt l-istess saqaf ma' żewġha li kellhom ftehim speċjali bejniethom biex jikkomunikaw. Qalet li hija qatt ma kienet iċċemplilha, fil-każ li jkun qiegħed ħdejha. Meta eventwalment telqet mid-dar matrimonjali, qabel ma kienet titlaq mid-dar t'ommhom biex tmur ix-xogħol, hija kienet iddur dwara mal-akkwati biex tara li hija sigura, ta' kuljum. Żiedet li kienet tibża' ħafna mir-rutina li kellha filgħodu għaliex Cassar kien jaf fejn u fix-ħin kienet taħdem.

Kellha regoli ċari: Issakkar il-bibien, tiżgura li t-triq hi sigura qabel ma toħroġ mill-karozza biex tmur għax-xogħol. Evidentament ir-regoli kienu kollha għalxejn Oħt Bernice Cilia

Hija tirrakkonta wkoll li darba Bernice kienet se tħalli lil bintha għandha għaliex kienet se tattendi tieġ, iżda minflok ċemplitilha tibki. Spjegat li Roderick Cassar kien telaq mid-dar għall-ħabta tal-5p.m. il-ġurnata ta' qabel biex imur għand it-tabib, iżda kien irritorna d-dar fil-11:30p.m. mingħar spjegazzjoni għaliex kien dam. Qalet li kien mar id-dar bir-rawgħa f'ħalqu għaliex Bernice kienet ċemplet lil ommu inkwetata. Dak il-lejl, tgħid ix-xhud, Bernice inqaflet il-kamra ta' ulieda filwaqt li Roderick mar jorqod fil-kamra tas-sodda tagħhom. Kienet qaltilha, "anke fil-kamra tal-banju qed nibża' mmur."

L-oħt spjegat li ħafna drabi Cassar kien juża' lil uliedhom biex jimmanipula lil Bernice biex iġiegħlha tħossha ħażin li telqitu. Fil-fatt darba, it-tifel ried jieħu xi ġugarelli għand id-dar tan-nanna (fejn kienet qed tgħix Bernice) iżda missieru ma ħallihx u qallu, "jekk trid tieħu l-ġugarelli, għid lil ommok biex terġa' tiġi d-dar." Kien jgħidilha li jippreferi lil binha u li ta' sikwit kien jieħdu miegħu, mentri lit-tifla kien iħalliha ma' ommha. Minħabba f'hekk Bernice kienet f'sitwazzjoni fejn lanqas setgħet toħroġ ma' sħabha, għax kien ikollha tieħu ħsieb lil uliedha. 

It-theddid, allegatament, ma kienx biss lejn martu. Dan hekk kif ix-xhud tgħid li kien jhedded anke lil familtha. Kien jgħidilha, "kulħadd se jpatti. Kemm dawk ta' Ħaż-Żebbuġ u anke dawk ta' Santa Luċija," b'referenza għal qraba tagħha li jgħixu f'dawk il-lokalitajiet. Kienu ftit jiem wara li Roderick Cassar qal lil ibnu, "fi żmien ġimgħa inkun il-ħabs." 

Hija għamlet referenza għal numru ta' theddid ieħor li kien diġà issemma fil-Qorti fosthom li se jtajjrilha rasha quddiem missierha u li jekk ma jarax lil uliedu hu, ħadd ma kien se jarahom.

L-avukat difensur, Franco Debono, staqsa lil oħt il-vittma jekk kinitx konxja tar-raġel li Roderick Cassar kien qiegħed jissuspetta li kienet qiegħda toħroġ miegħu Bernice. Madankollu hija sostniet li ltaqgħet miegħu biss wara l-qtil ta' oħtha. 

Fl-aħħar tax-xhieda tagħha hija qalet li oħtha kienet stqarret li s-sitwazzjoni kienet bla kontroll ta' xejn u kella ftit tama fil-pulizija u l-protezzjoni li suppost kienet qed tofrilha. Qalet li qabel ma nqatlet għamlet 45 minuta tibki b'frustrazzjoni għaliex minkejja li huwa kiser l-ordni ta' protezzjoni, kienet temmen li l-protezzjoni kienet qed taħdem kontriha u mhux favuriha, kif suppost. 

More in Qrati u Pulizija