Jingħata l-ħelsien mill-arrest l-akkużat li seta' ikkaġuna l-mewt ta' Marie Claire Lombardi

Ir-raġel ta' 79 sena ġie akkużat b'omiċidju involontraju, li ikkawża dannu lil proprjetà privata u li waqqa' xi affarjiet fit-triq

Raġel ta' 79 sena minn Ħad-Dingli, li ġie akkużat li seta' ikkaġuna l-mewt ta' Marie Claire Lombardi, ingħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat b'omiċidju involontraju, li ikkawża dannu lil proprjetà privata u li waqqa' xi affarjiet fit-triq. 

Marie Claire, li kellha biss 45 sena tilfet ħajjitha traġikament fit-23 ta' Ottubru li għadda. Hija kienet qed issuq mutur fi Triq l-Imdina, ir-Rabat meta żelqet u mietet kawża tal-ġrieħi li sofriet. Infakkru li l-Pulizija appellat għall-għajnuna tal-pubbliku f'Novembru li għadda u kelliem tal-Pulizija kien ikkonferma illi xi ħadd waqgħalu ammont ta' żebbuġ fit-triq, liema żebbuġ ma nġabarx bir-riżultat li tgħaffeġ u l-art kienet tiżloq. 

Dakinhar Cortis, li kien qiegħed jitrasporta ż-żebbuġ ma waqafx biex jiġbor dak li kien waqalu jew saħansitra informa lill-awtoritajiet ikkonċernati biex iż-żebbuġ jiġi miġbur. 

Filwaqt li l-akkużat ċaħad l-akkużi kontrih, l-Ispettur li kien qiegħed imexxi l-Prosekuzzjoni ma' oġġezzjonax għat-talba biex jingħata l-ħelsien mill-arrest hekk kif ħafna mill-persuni li kellhom jixhdu, xehdu u li huwa kien diġà ħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest minn meta ġie arrestat u rilaxxat f'Diċembru li għadda. 

Kien għalhekk li l-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest bil-patt u l-kundizzjoni li jiffirma il-ktieb tal-pleġġ tliet darbiet fil-ġimgħa u garanzija personali ta' €50,000. 

More in Qrati u Pulizija