Raġel xurban immultat €400 talli qam minn postu meta l-ajruplan fl-inżul

Huwa xorob xarba vodka u beda jhedded lill-membri tal-ekwipaġġ li provaw iwaqqfuh milli jmur fil-kamra tal-banju

Passiġġier fuq ajruplan ġie mħarrek €400 multa talli injora l-ordni tal-membri tal-ekwipaġġ u prova juża l-kamra tal-banju meta l-ajruplan waqt l-inżul

Ir-raġel, mir-Rabat Għawdex, tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mill-Ispettur Roxanne Tabone, akkużat li kiser il-paċi pubblika, li ipperikola l-ajruplan, li hedded u m'obdiex ordni tal-membri tal-ekwipaġġ kif ukoll li għamel dan waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkohol. 

L-Ispettur qalet fil-Qorti li lbieraħ il-pulizija ġiet infurmata li l-passiġġier kien qiegħed fuq titjira li kienet ġejja minn Manchester u kien qiegħed jipperikola s-sigurtà tal-ajruplan. Hija qalet li huwa kien ikkonsma ammont sostanzjali ta' vodka u li meta qalulu biex ipoġġi bilqegħda u jaqfel iċ-ċinturin tas-sigurtà huwa irrifjuta. Kien għalhekk li meta l-ajruplan niżel Malta ġie arrestat u nstab li kien fis-sakra. 

L-akkużat ċaħad l-akkużi kontrih u l-avukat difensur saħqet li huwa skuża ruħu u ma kienx konxju bil-gravità tas-sitwazzjoni, "ħaseb li kien se jmur fil-kamra tal-banju u jerġa' jirritorna lura f'postu." 

Għaldaqstant, il-Qorti sabitu ħati u tatu l-permess li jħallas il-multa fuq perjodu ta' tliet xhur, hekk kif l-avukat infurmatu li kien se jiżżewweġ fi żmien tliet ġimgħat. 

More in Qrati u Pulizija