'Mela l-ħajja ta' raġel mhijiex prezzjuża daqs ta' mara?' - Il-Liġi tal-Femiċidju deskritta bħala 'diskriminatorja'

L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Marion Camilleri u Jacob Magri talbu lill-Qorti sabiex tiddikjara l-qafas ta' liġi li titratta l-Femiċidju bħala ksur tad-dritt tal-klijent tagħhom għal smigħ xieraq u protezzjoni kontra diskriminazzjoni

L-avukati li qed jirrapreżentaw lill-akkużat bil-qtil ta' Bernice Cassar - Roderick Cassar - li huwa l-ewwel persuna akkużata b'femiċidju f'Malta, qed jisfidaw l-istess liġi tal-femiċidju u jisħqu illi l-klijent tagħhom qed ibati minn "trattament differenzjali" u allura l-liġi hija diskriminatorja. Huma għalhekk qed jitfgħu dubju fuq il-Kostituzzjonalità tal-istess liġi li titratta l-femiċidju. 

Dan irriżulta minn applikazzjoni fil-Qorti Ċivili dalgħodu f'isem Roderick Cassar, li bħalissa huwa suġġett ta' proċeduri kriminali, hekk kif qed ikun akkużat li spara lejn martu u qatilha, fl-Industrial Estate ta' Kordin, viċin ta' fejn taħdem.

Fl-applikazzjoni Kostituzzjonali li kienet iffirmata mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Marion Camilleri u Jacob Magri intqal illi hemm kwistjoni legali li mill-bidu tefgħet dell fuq il-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Huma qed jgħidu li l-leġiżlazzjoni qed toħloq liġi sessista u diskriminatorja li tagħti lok għal trattament preferenzjali. 

Huma qalu wkoll illi l-ebda pajjiż qatt ma daħħal dispożizzjoni legali simili. 

"Għalfejn il-qtil ta' mara huwa meqjus agħar mill-omiċidju ta' raġel, meta jkun seħħ f'ċirkostanzi identiċi?" staqsew l-avukati. Huma staqsew ukoll għaliex omiċidju jew attentat ta' omiċidju kienu meqjusin aggravati permezz ta' din il-liġi. "Bl-istess argument mhux kull reat li jsir kontra mara allura għandu jibda jitqies bħala aggravat? Mela l-ħajja ta' raġel mhijiex prezzjuża daqs ta' mara?" staqsew rettorikament. 

Huma kkumentaw ukoll dwar il-fatt li r-reat ta' passjoni ma għadhiex tapplika fil-każ meta l-vittma tkun mara, imma tibqa' tgħodd meta l-vittma jkun raġel. "Ma jistax omiċidju li twettaq mara wkoll jsir taħt l-influwenza immedjata ta' passjoni istantanja?"

Huma fakkru wkoll li l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni fil-Liġi Maltija hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li f'dan il-każ huwa marbut mad-dritt ta' Cassar għal smigħ xieraq. 

Għalhekk l-avukati ta' Cassar talbu lill-Qorti sabiex tiddikjara l-qafas ta' liġi li titratta l-Femiċidju bħala ksur tad-dritt tal-klijent tagħhom għal smigħ xieraq u protezzjoni kontra diskriminazzjoni."

More in Qrati u Pulizija