Tressqet l-evidenza kollha kontra r-raġel akkużat bil-qtil ta' Bernice Cassar

L-eks raġel tagħha - Roderick Cassar - huwa l-ewwel persuna fl-istorja li qed ikun akkużat b'femiċidju

Il-Prosekuzzjoni ddikjarat li ma għadx hemm aktar evidenza li trid tkun ippreżentata kontra r-raġel ta' 42 sena mill-Imqabba li qed ikun akkużat bil-qtil ta' Bernice Cassar, wara li allegatament sparalha hekk kif kienet fi triqitha għax-xogħol. 

Roderick Cassar qed jiċħad li qatel lill-eks mara tiegħu u l-omm ta' żewġt itfal fiż-żona ta' Kordin nhar it-22 ta' Novembru li għadda. Huwa qed jiffaċċja 15-il akkuża kontrih, fosthom li żamm lil Bernice kontra l-volontà tagħha, li ssuġġettaha għal vjolenza psikoloġika u morali kif ukoll li uża arma biex iwettaq reat u mingħajr ma kellu liċenzja għaliha. 

Akkużi oħrajn jitrattaw serq tal-mowbajl u ċwievet tal-karozza, kif ukol li wettaq ħsarat fuq il-proprjetà tal-vittma. 

L-avukat Difensur Franco Debono saħaq illi kopja tal-Inkjesta fil-każ kellha tkun provduta mid-Difiża u qal illi s-soċjetà falliet aktar minn persuna waħda. 

F'risposta l-Maġistrat Joe Mifsud qal illi Debono jaf li jrid jagħmel applikazzjoni biex ikollu kopja ta' tali inkjesta. 

L-akkużat huwa l-ewwel persuna fl-istorja li qatt kien akkużat b'femiċidju, verżjoni aggravata tal-omiċidju. L-uniku differenza fil-Liġi hija li l-att dwar reat ta' passjoni tneħħa mil-liġi f'dak li jirrigwarda irġiel. Dawn il-bidliet iddaħħlu wara l-istupru u qtil brutali ta' Paulina Dembska, fil-bidu tas-sena l-oħra, u tfisser illi l-akkużat ma jistax jargumenta li kkommetta reat ta' passjoni fil-każ tiegħu, linja ta' difiża li ntużat ħafna drabi f'każi ta' vjolenza domestika. 

Bernice Cassar kienet fetħet diversi rapporti , kontra l-eks raġel tagħha li miegħu kienet miżżewġa għal disa' snin. Wara li l-pulizija tellgħuh il-Qorti, din kienet iddeċidiet li Cassar ma kellux jersaq lejn il-vittma, minkejja li allegatament kiser din l-ordni diversi drabi. 

Il-każ ikompli jinstema' f'Mejju. 

More in Qrati u Pulizija