Heddidha li jitfa' l-aċtu f'wiċċha wara li ma baqgħetx toħroġ miegħu

L-Ispettur spjega kif l-allegat vittma kienet għamlet rapport f'Marzu u ilmentat illi kienet irċeviet theddid mingħand l-akkużat li miegħu kellha relazzjoni, sa Diċembru li għadda

Raġel li allegatament hedded lil martu li jitfgħala l-aċtu f'wiċċha wara li ssuspetta li kienet qed ikollha x'taqsam ma' raġel ieħor, inżamm taħt arrest. Ir-raġel ta' 39 sena minn Ħaż-Żebbuġ kien akkużat dalgħodu quddiem il-Qorti li hedded, iffastidja u anke ġiegħel lill-vittma tibża' li se tintuża l-vjolenza kontriha. 

L-Ispettur Colin Sheldon akkuża wkoll lir-raġel illi segwa l-passi tal-vittma, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li uża ħażin tagħmir elettroniku, kif ukoll li huwa riċediv. Huwa mifhum li l-vittma għamlet erba' rapporti  kontra l-eks sieħeb tagħha

L-ispettur spjega kif l-allegat vittma kienet għamlet rapport f'Marzu u ilmentat illi kienet irċeviet theddid mingħand l-akkużat li miegħu kellha relazzjoni, sa Diċembru li għadda. Ir-raġel qed ikun akkużat li għamel diversi theddidiet ukoll lejn il-vittma li jitfgħala l-aċtu u kien jintimidaha regolarment, kemm lilha u anke lil ommha. 

Il-Pulizija kienu ħarġu mandat ta' arrest iżda ma setgħux isibu lill-akkużat, sakemm kien arrestat is-Sibt li għadda. Ir-raġel ammetta li kien jibgħat xi messaġġi lill-vittma, iżda qal ukoll li dawn kien bagħathom fis-saħna tal-mument, xħin kien irrabjat. Huwa qal ukoll li kien qalilha biex tirritorna ċurkett u xi ġojjellerija li kien taha bħala rigali u wegħda illi ma jerġax iħares lejha, wara li tagħmel dan. 

Ir-raġel ma ammettiex l-akkużi kontrih. 

More in Qrati u Pulizija