Raġel akkużat illi abbuża sesswalment persuna b'diżabilità ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Ir-raġel li deher quddiem il-Qorti llum qed ikun akkużat ili wettaq reat sesswali ma' raġel ta' 22 sena u li ssoġettah għal intimità fiżika li ma kinitx mixtieqa filwaqt li kkawżalu ġrieħi ħfief

Raġel ta' 66 sena li b'mod kontinwu wettaq reati marbutin mas-sess, kien deskritt bħala "theddida għas-soċjetà" wara li kien akkużat illi abbuża minn ġuvni b'diżabilità, hekk kif diġà ġie akkużat b'abbuż is-sena l-oħra. 

Ir-raġel li deher quddiem il-Qorti llum qed ikun akkużat ili wettaq reat sesswali ma' raġel ta' 22 sena u li ssoġettah għal intimità fiżika li ma kinitx mixtieqa filwaqt li kkawżalu ġrieħi ħfief. Huwa qed ikun akkużat ukoll illi offenda l-pudur u li kiser il-Probation Order li kien ingħata f'April li għadda. 

L-Ispettur John Spiteri, wieħed mill-uffiċjali li qed imexxu l-prosekuzzjoni, spjega kif l-allegat vittma, deskritt bħala persuna vulnerabbli, sofra minn problemi psikoloġiċi u kien diġà ġie abbużat sesswalment meta kien għadu żgħir. Huwa kien qal illi huwa u nieżel minn fuq tal-linja l-akkużat beda jaqbad miegħu u baqa' jsegwih fit-triq, f'liema punt qabdu mill-parti privata tiegħu u anke l-warrani. 

Il-vittma - ixxukjjat u konfuż - fetaħ rapport l-għassa u anke kellu jiddaħħal il-polyclinic minħabba ġrieħi ħfief li sofra. 

L-avukat Difensur Franco Debono qal illi anke l-akkużat kien qed ibati minn mard mentali, bl-akkużat jgħajjat li l-vittma insulentah u insulenta wkoll lill-ġentirui tiegħu. 

Fiwaqt li l-akkużat ma ammettiex il-ħtija, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tar-reati , apparti l-fatt li l-allegat vittma għadu jrid jixhed, kif ukoll minħabba l-karattru tal-akkużat.

More in Qrati u Pulizija