Raġel safa' mgħaffeġ diversi drabi minn trakk mingħajr ma x-xufier induna

It-trakk kien wieħed kbir ħafna u kien għaddej bi trasportazzjoni ta' pjanċi... Il-vittma ħareġ biex jgħin lix-xufier- kollega tiegħu - jimmanuvra t-trakk fi triq dejqa

Raġel anzjan li kien vittma ta' inċident fuq il-post tax-xogħol f'Birżebbuġa kien mgħaffeġ taħt trakk li għadda minn fuqu diversi drabi, mingħajr ma x-xufier - li kien il-kollega tal-vittma -  fil-fatt induna x'kien qed jiġri. Dan irriżulta mix-xhieda li ta l-espert tal-Qorti Dr. Mario Buttigieg waqt il-kumpliazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra xufier li kien akkużat illi wassal għall-mewt tal-kollega tiegħu Karmnu Micallef, waqt li kien qed jimmanuvra fi triq dejqa. Huwa mhux qed jammetti l-ħtija kontra l-akkuża ta' omiċidju involontarju. 

L-Ispettur Jonathan Cassar - li qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-każ - kien qal lill-Qorti li l-Pulizija sabu trakk kbir tat-tip Leyland DAF li kien qed jimblokka triq dejqa minn angolu dijagonali. Żewġ ħaddiema kienu qed jittrasportaw pjanċi lejn sit ta' kostruzzjoni imma t-trakk kien kbir wisq għat-triq, li għamilha diffiċli biex ix-xufier jimmanuvra. Għalhekk Micallef ħareġ biex jgħin iżda spiċċa intlaqat mill-vettura u tkaxkar taħtha mingħajr ma' x-xufier induna. 

L-espert  qal lill-Qorti, għall-mistoqsijiet tal-avukat Franco Galea li qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma li l-vettura kienet wiesgħa wisq biex tgħaddi minn din it-triq in kwistjoni u spjega wkoll kif il-vittma safa' mgħaffeġ mill-vettura li għaddiet minn fuqu diversi drabi. 

 

 

L-Avukat Roberto Spiteri wkoll qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma. 

Il-Każ se jkomplu jinstema' f'Marzu. 

 

More in Qrati u Pulizija