
Il-Koħħu jingħata sentenza ta' seba' xhur priġunerija minħabba ġlieda fil-ħabs
Il-ġlieda żvolġiet meta l-Koħħu mbotta lil persuna oħra li kellu l-krozzi

More in Qrati u Pulizija
Il-ġlieda żvolġiet meta l-Koħħu mbotta lil persuna oħra li kellu l-krozzi
Vincent Muscat, magħruf aħjar bħala l-Koħħu, ingħata sentenza ta' seba' xhur priġunerija addizzjonali minħabba ġlieda ma' raġel ieħor fil-ħabs. Preżentament Muscat qiegħed jiskonta sentenza ta' 15-il sena priġunerija wara li ammetta l-irwol tiegħu fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li nqatlet nhar is-16 ta' Ottubru, 2017. Muscat qiegħed jiskonta sentenzi oħra relatati ma' droga u pornografija.
Bħal dan iż-żmien sena ġie eżebit filmat tas-CCTV ta' Muscat li fih kien juri lil Muscat jimbotta lill-persuna l-oħra, li kien qiegħed jagħmel użu minn krozzi. Minn hemm żvolġiet ġlieda li fiha kellhom jintervjenu l-gwardjani.
Intant dakinhar xehed it-tabib tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li spjega li fis-16 ta' Novembru 2021 għall-ħabta tal-11a.m. Falzon mar għandu għaliex kien ingidem minn Muscat. It-tabib irrifjuta li jagħmillu rapport uffiċjali għax kien verbalment abbużiv lejh iżda seta' jinnota marka ta' snien ma' idejh.
Il-Koħħu kif ukoll il-persuna l-oħra, minkejja li għaddiet sena mill-aħħar seduta fil-Qorti, għażlu li ma jixhdux u għaldaqstant kien hemm biss ftit evidenza u rapporti fuq dan l-inċident. Fil-fatt l-avukat tal-persuna involuta fil-ġlieda qal li "l-Qorti kulma għandha huma ritratti ta' dak li ġara iżda dak li wassal għall-argument, it-theddid u l-insulti ma dehrux fil-filmat." L-istess qalet l-avukat tal-Koħħu li saħqet li filwaqt li l-filmat jiffavorixxi lill-Koħħu, "l-aqwa evidenza hija x-xhieda tagħhom."
Minkejja dan, il-Maġistrat iddikjarat lil Muscat ħati u tagħtu s-sentenza ta' seba' xhur ħabs. Huwa mifhum li s-sentenza tal-persuna l-oħra se tingħata fil-ħin li ġej hekk kif dan ma kienx preżenti fl-Awla.