Jum qabel ma nstab il-katavru ta' Simone Grech, il-Pulizija marret fl-għalqa iżda ma eżaminathiex kollha

Missier Simone kien inkwetat għax meta ma kinitx torqod id-dar kienet tavża lill-ġenituri 

L-għalqa fil-Marsa li nstabet fiha Simone Grech
L-għalqa fil-Marsa li nstabet fiha Simone Grech

Illum bdiet it-tieni ġimgħa tal-ġuri dwar il-qtil ta' Simone Grech, it-tfajla ta' 20 sena li sfat vittma ta' 17-il daqqa ta' sikkina, 18-il sena ilu. Fix-xhieda tagħha, is-Supretendent Louise Calleja, fost it-tweġibiet tagħha, reġgħet fakkret f'dak li kien intqal fil-kumpilazzjoni tal-evidenza preċedentament, illi lejliet li nstab il-katavru ta' Simone Grech fil-Marsa, uffiċjali tal-Pulizija kienu daħlu f'parti mill-għalqa. 

Dakinhar tal-kumpilazzjoni, is-Supretendent Ray Aquilina kien qal illi "issospendejna milli nibqgħu deħlin sa ġewwa."

Filwaqt li f'din is-seduta partikolari ma ngħatax spjegazzjoni ta' dak li raw u ma rawx l-uffiċjali Calleja - li dak iż-żmien kienet stazzjonata fil-vice squad - qalet li huma marru matul il-lejl u kien id-dlam. Tajjeb li nfakkru li, skont dak li diġà ħareġ mill-ġuri, Grech instabet mejta f'għalqa ħdejn is-Salib tal-Marsa wara li kienet ilha irrapportata nieqsa mis-7 ta' April 2005. Grech instabet imdawwra bil-ħaxix fi stat ta' dekompożizzjoni. Hija nstabet mill-Pulizija meta ngħatat informazzjoni li Grech kienet tiffrekkwenta dawk l-akkwati minħabba l-prostituzzjoni. 

Hija żiedet tgħid li ma kien hemm ebda filmat minn CCTVs fil-madwar li kienu tajbin biżżejjed. 

Intant Calleja xehdet li kien daħlilha rapport uffiċjali li Simone kienet nieqsa, magħmul minn missierha. Qalet li missierha fir-rapport saħaq li t-tifel tiegħu kien jilbes ta' mara u li kien jagħmilha ma' ħabib tiegħu Ismael Habesh. Missierha kien stqarr mal-Pulizija li kien inkwetat fuq Simone għaliex meta ma kinitx torqod id-dar kien javża lill-ġenituri tagħha. Aktar tard waqt ix-xhieda intqal fil-Qorti li missier Simone, li llum il-ġurnata mejjet, qal li ma kellu ebda problema magħha iżda li kien jiddejjaq li hija "kienet tilbes ta' mara." Fil-fatt, Simone kienet tipprepara l-ħwejjeġ ġewwa basket, qabel ma toħroġ mid-dar. 

Aktar kmieni waqt is-seduta fil-Qorti xehed persuna oħra li kien jassisti lit-tobba waqt l-awtopsji. Koinċidentalment, kien jaf lil Simone iżda meta mar fuq ix-xena tad-delitt ma kienx għarafha. Huwa żied jgħid li meta mar il-Marsa biex jiġbor il-katavru xagħrha u l-ġilda ta' rasha baqgħet mal-art minħabba l-istat ta' dekompożizzjoni qawwija. 

Aqra aktar x'intqal fl-aħħar ġimgħa: 

More in Qrati u Pulizija