Rat il-qtil ta' Simone Grech quddiemha, marret ma' klijent u reġgħet irritornat lura fejn seħħ id-delitt

Ismael Habesh, l-akkużat fil-qtil, kien heddidha li jekk tikxfu kien se jagħmlilha dak li għamel lil Grech

Prostituta rat il-qtil ta' Simone Grech quddiemha, marret ma' klijent u reġgħet irritornat lura fuq ix-xena tad-delitt, iżda beżgħet titkellem għax kienet mhedda. Dan irriżulta, hekk kif dalgħodu fil-Qorti kompla jinstema' l-każ tal-qtil makabru ta’ Simone Grech u tela' jixhed l-eks uffiċjal tal-Pulizija li kien parti mill-investigazzjoni. Grech kienet irraportata nieqsa meta naqset milli tiffirma l-ktieb tal-bail. L-aħħar firma kienet fl-4 ta’ April, 2005. Minħabba l-fatt li l-Pulizija saret taf li Ismael Habesh u Grech kellhom relazzjoni, sejħitlu u kien hemm li nnotaw li kellu xi ġrieħi ħfief.

Intant dakinhar li seħħ id-delitt, ħabiba ta’ Grech saħqet li kienet iltaqgħet magħha u kienet innotat li kellha xi demm ma’ idejha hekk kif kellha argument, iżda mhux ma’ Habesh. Fil-fatt kienet talbet il-mobile ta’ ħabibtha biex iċċempillu biex jipproteġiha. Aktar tard Grech iltaqgħet ukoll ma’ persuna li kienet tiffrekwenta l-istess akkwati u qaltilha li kienet aggredita minn xi ħadd li prova jisirqilha l-mobile. Fil-fatt hija qalet li rat lil Habesh jagħti lil Grech bil-mus. 

L-Ispettur Chris Pullicino, li kien jagħmel parti mis-CID xehed li kien irċieva ittra anonima li fiha kien hemm miktub li Jacqueline Rapinett kellha informazzjoni fuq il-każ. Hija bdiet tibża' titkellem ma' Pullicino iżda imbagħad biddlet fehmtha. Hija kienet stqarret li rat id-delitt iseħħ quddiemha minn Habesh u Faical Mahouachi. Hija kienet irrakkontat li rathom joqtluha, marret ma' klijent u eventwalment reġgħet irritornat lura fix-xena tad-delitt. 

Hija kienet stqarret ma' Pullicino li Habesh kien heddidha li jekk titkellem kien se jagħmlilha dak li għamel lil Grech. Waqt din is-seduta xehed ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien Spettur fis-CID. Valletta qal li persuna Għarbija marret għand il-Pulizija hekk kif dakinhar li nstabet Grech, Habesh deher inkwetat. Valletta ġie mistoqsi fuq Mario Farrugia, mekkanik li kellu garaxx il-Marsa u li kien jaf lil Grech. Huwa kien informa lil Pulizija li l-Erbgħa 6 ta' April Grech marret ħdejh u talbitu sigarett. Meta mbagħad ħarġet mingħandu sema' lil Grech tgħajjat li kien hemm min qiegħed jiġri warajha. Minkejja dan, meta Farrugia ħareġ mill-garaxx kien ra lil vittma waħedha. 

Valletta ikkonferma wkoll dak li qal Pullicino, jiġifieri li Rapinett kienet rat liż-żewġ akkużati jwettqu r-reat. Il-Pulizija tkellmet ukoll mal-mara ta’ Habesh li għarrfithom li żewġha kien daħal id-dar fl-10 p.m. u ma reġax ħareġ darba oħra. Minkejja dan, meta mistoqsija mill-Pulizija għal dabra oħra hija saħqet li l-koppja raqdet f'żewġt ikmamar separati u għaldaqstant ma kinitx ċerta jekk reġax ħareġ fit-tard. 

Min-naħa l-oħra l-Pulizija għamlet tfittxija għand xi ħadd bl-isem ta' Jamal, ħabib ta' Grech u Habesh. Minn din it-tfittxija irriżulta li nstabu sikkina, li nstabet minn fuq is-sink tal-kamra tal-banju u żarbun. Intant aktar kmieni persuna bil-kunjom Bugrara mar għand il-Pulizija għax kien avviċinat minn Habesh li staqsih jekk evidenza tistax tiġi elevata minn katavru li kien ilu mejjet. 

X'qalet omm Simone Grech? 

Sfortunatament omm Grech, Anna Grech, mietet qabel ma rat li ssir ġustizzja għal bintha. Għaldaqstant illum inqrat ix-xhieda tagħha li ngħatat fi żmien li seħħ id-delitt. L-omm qalet li hi u bintha "kienu close," u dak iż-żmien Simone ma marritx id-dar u ma kinitx ċemplitilha minkejja li kienet iċċemplilha ta' spiss. Kien għalhekk li ddeċidiet li tagħmel rapport l-Għassa tas-Siġġiewi u bdiet tqassam ir-ritratt tagħha biex jippruvaw isibuha. 

Hija qalet li kienet oħtha, u mhux il-Pulizija, li qaltilha li kienu sabu lil Simone. B'risposta għal dan l-omm qalet "la tiġi aqta' kemm se ntiha," imbagħad ġiet infurmata li kienet mejta. Hija kienet taf bir-relazzjoni li kellha bintha ma' Habesh u li tliet ijiem wara li ġiet nieqsa, Habesh mar ifittixha d-dar u mar jagħmel rapport l-għassa ma' missierha. 

More in Qrati u Pulizija