Jibda l-ġuri fil-każ ta' Simone Grech li nqatlet bi 17-il daqqa ta' oġġett bil-ponta fl-2005

Grech kellha xi tgħid mal-allegat qattiel tagħha, li dak iż-żmien hi kienet l-għarusa tiegħu hekk kif riditu jitlaq lil martu biex imorru jgħixu flimkien 

Ritratt ta' meta nstabet Simone Grech (2005) meħud mit-Times of Malta
Ritratt ta' meta nstabet Simone Grech (2005) meħud mit-Times of Malta

Illum jibda l-ġuri fil-każ ta' Simone Grech, tfajla ta' 20 sena mis-Siġġiewi li nstabet mejta bi 17-il daqqa ta' sikkina fit-13 ta' April fl-2005, 17-il sena ilu.

X'sar sa issa: L-għażla tal-ġurati u rendikont tal-każ

Għal dan il-każ intagħżlu 12-il ġurat, disa' attivi fl-awla u tlieta suplenti. Issejħu wkoll żewġ ġurati oħra iżda dawn baqgħu ma dehrux, minkejja n-notifiki. Għaldaqstant dawn ġew immultati €500 kull wieħed. 

Wara l-ġurament tal-ħatra nqraw id-dettalji tal-każ fosthom li Grech kienet tagħmel ix-xogħol ta' prosituta biex tħallas għad-drogi li kienet tagħmel użu minnhom. Fiċ-ċrieki tal-prostituzzjoni kienet magħrufa wkoll bħala Sion. Jingħad ukoll li r-relazzjoni ta' Grech u Habesh kienet turbulenti għall-aħħar, fil-fatt kienu jargumentaw diversi drabi fuq droga u flus li kienet taqla' mill-prostituzzjoni. Argument li qam dakinhar tad-delitt. 

Fil-Qorti ngħad li meta Grech u Habesh argumentaw, ħebb għal Grech, qabadha minn xagħarha u tefaha mal-art u beda jagħtiha bil-ponn u bis-sieq. Grech kienet mixħuta mal-art tokrob bl-uġigħ. Mahouachi kien fil-karozza sakemm allegatament ħareġ u għen lil sieħbu. Huma qed jiġu akkużati li ġarrewha fl-għalqa, imbagħad qatluha. 

L-awtopsja ikkonkludiet li Grech qalgħet minn tal-inqas 17 il-daqqa ta' sikkina, liema daqqiet ikkaġunawlha mewtha. 

Iż-żewġ akkużati ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. 

Kif u meta: Min hi Simone Grech? 

Simone Grech, magħrufa preċedentament bħala Simon Grech, instabet mejta f'għalqa ħdejn is-Salib tal-Marsa wara li kienet ilha irrapportata nieqsa mis-7 ta' April 2005. Grech instabet imdawwra bil-ħaxix fi stat ta' dekompożizzjoni. Hija nstabet mill-Pulizija meta ngħatat informazzjoni li Grech kienet tiffrekkwenta dawk l-akkwati minħabba l-prostituzzjoni. 

Ismael Habesh issa ta' 51 sena mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija huma mixlija li qatlu lil Grech. Dakinhar tad-delitt intqal li allegatament Grech kienet qed titlajja għal skopijiet ta' prostituzzjoni meta ġiet avvinċinata miż-żewġ akkużati. 

Waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza fis-snin ta' qabel irriżulta li Grech kienet f'relazzjoni ma' Habesh. Ġara li huma kellhom argument hekk kif Grech riditu jitlaq lill-mara tiegħu biex imorru jgħixu flimkien. Aktar kmieni wkoll, ħabiba ta' Grech kienet sostniet li Habesh ma riedx jagħmel dan minħabba l-fatt li ċ-ċittadinanza tiegħu kienet marbuta maż-żwieġ tiegħu, peress li huwa kien miżżewweġ Maltija. 

B'hekk huma qed jiġu mixlija li qatlu lil Grech, li kellhom fil-pussess tagħhom sikkina u li Habesh kellu vettura tat-tip Ford Escord misruqa. 

More in Qrati u Pulizija