Bis-serjetà? Matt Bonanno se jitressaq il-qorti mir-River of Love fuq kumment satiriku

Bonanno qed jiġbor il-flus għall-ispejjeż legali bi pjan li jagħti persentaġġ lil NGOs tal-LGBTIQ+

Sid is-sit satiriku Bis-serjetà Matt Bonanno se jitressaq il-Qorti akkużat li għamel użu ħażin ta' apparat teknoloġiku meta għamel kumment satiriku biex jhedded lir-River of Love. 

Dan il-kumment sar taħt post li għamel Bonanno fl-4 ta' Jannar, tas-sena l-oħra, wara l-qtil makabru ta' Paulina Dembska u kien jgħid li "r-River of Love għandhom jiġu trattati bħall-ISIS." 

B'reazzjoni għal dan, persuna oħra ikkumentat, "ma naħsibx li Malta taffordja ibbumbjar iffukat fuq Ħaż-Żebbuġ," preċiżament fejn kien ibbażat il-grupp kristjan. B'risposta għal dan Bonanno imbagħad ikkummenta li "Ħaż-Żebbuġ huwa post sabiħ. Irrelokaw lir-River of Love għal Buġibba, imbagħad għamlu bomba. Żewġt għasafar b'ġebla waħda." 

Jekk Bonanno u l-persuna l-oħra jinstabu ħatja tar-reati akkużati bihom jistgħu jaffaċċjaw multa ta' €50,000. Għaldaqstant bħalissa qiegħed jagħmel ġabra pubblika biex ikopri l-ispejjeż tal-Qorti u l-avukati. Huwa saħaq li jekk jinġabar aktar minn dak mistenni se jkun qiegħed jagħti donazzjoni ta' 10% lil NGO tal-LGBTIQ+ u l-bqija jmorru għas-sit satiriku. 

"Għinuni niġġieled kontra estremisti reliġjużi għal-libertà tal-espressjoni, satirika u opinjoni." Fl-istess waqt huwa skuża ruħu tal-implikazzjoni li Buġibba għandha tkun esposta għal ibbumbardjar u bl-ispirtu satiriku tiegħu qal, "hemm tlett resotranti jew erbgħa li għandhom jiġu salvati." 

More in Qrati u Pulizija