Prova jikkonvinċi uffiċjali tal-Orkestra biex ibiddlu fehmet il-vittma u ma tmurx għand l-awtoritajiet

Sigmund Mifsud prova jagħmel dan biex jekk il-vittma kienet se titkellem 'biex tpattiha lil xi ħadd taħsibha darbtejn' 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud għamel laqgħa ma’ uffiċjali ta' livell għoli fl-Orkestra biex jikkonvinċihom biex jippruvaw ibiddlu fehmet il-vittma u ma tmurx għand l-awtoritajiet.

Illum kompliet tinstema’ x-xhieda fil-każ tal-mużiċista, vittma ta’ fastidju sesswali minn uffiċjal fi ħdan l-orkestra. L-Ispettur f’dan il-każ tkellem fit-tul mal-vittma u aktar tard inħareġ il-mandat ta’ arrest għall-akkużat. Fix-xhieda tiegħu qal li l-Pulizija kellhom suspett li Mifsud prova jaħbi dan il-każ u għalhekk il-Pulizija kellmet lil numru ta’ individwi.

Waħda minn dawn l-individwi qalet li Mifsud kien qalilha biex issejjaħ laqgħa ma’ uffiċjali l-Orkestra, f’Novembru li għadda. Waqt din il-laqgħa Mifsud allegatament ħeġġiġhom biex “jikkonvinċu lill-vittma biex tibdel fehmtha biex jekk tkun se tagħmilha biex tpattiha lil xi ħadd, taħsibha darbtejn.”

Huwa mifhum li l-kontrollur finanzjarju (financial controller) kien preżenti għal din il-laqgħa u ġie interrogat mill-Pulizija wkoll. Huwa ikkonferma dak li qalet l-ewwel persuna u li kien qallu biex jikkonvinċi lil vittma biex terġa’ tikteb l-ittra tar-riżenja u biex ma tmurx għand l-awtoritajiet biex jippruvaw jevitaw li ssir “ħsara lill-orkestra.” Minkejja dan, mistoqsi għaliex ma għamilx dak li qallu Mifsud huwa wieġeb, li ried li l-allegazzjonijiet jiġu investigati u jittieħdu l-passi neċessarji.

L-Ispettur xehed li Mifsud ikkopera mal-Pulizija u tahom aċċess għall-mobile tiegħu. Waqt il-kontro-eżami l-Ispettur saħaq li staqsew lil Mifsud fuq recordings li nsabu fuq il-WhatsApp tiegħu mal-uffiċjal akkużat. Huwa qal li kien jaf b’recordings oħra eżistenti iżda ma kienx semahom.

Surġent li kien fl-għassa tal-Belt Valletta fix-xhieda tiegħu qal li l-vittma kienet għamlet rapport ta’ fastidju sesswali kontra l-uffiċjal tal-Orkestra fid-9 ta’ Ottubru. Hija irrakkontat dak li esperjenzat u li kienet tkellmet ma’ Mifsud u li kien qalilha li kienet qed teżaġera u li kienet wisq sensittiva.

Il-Każ se jkompli jinstema fl-24 ta’ Jannar.

More in Qrati u Pulizija