Minkejja li l-pulizija mhijiex obbligata tinforma persuna bl-investigazzjoni kontrihom fil-fażi inizjali, investigazzjoni dejjem tasal f’punt li tagħfas investigatur biex jinterroga imputat, esperti qalu lill-ILLUM.
Esperti li tkellmu mal-gazzetta qalu li mhux normali li persuni involuti f’inkjesta – speċjalment ta’ kobor u importanza bħal dik tal-Vitals – ma jkunux interrogati u lanqas mgħarrfa li qed issir investigazzjoni fuqhom.
Wara li l-aħbar imxiet li l-konklużjoni tal-Inkjesta Vitals waslet għand l-AĠ, u ħarġu l-akkużi, bosta qalu li mhux talli huma innoċenti, talli ma ngħatawx iċ-ċans jiddefendu ruħhom qabel ma jittellgħu l-Qorti.
Fost dawn kien hemm l-awditur ta’ Steward Health Care, Christopher Spiteri, li bħalissa, apparti akkużi ta’ ħasil ta’ flus, huwa akkużat ukoll li ppreżenta dikjarazzjonijiet foloz u ħa ġuramenti foloz, ifforma parti minn assoċjazzjoni kriminali, iffaċilita kummerċ għal Muscat, Mizzi u Schembri, kixef materjal kunfidenzjali u ddikjara flus inqas milli suppost fil-kontijiet tal-investituri ta’ Vitals.
Jitkellem fuq il-midja soċjali tiegħu, Spiteri qal li 30 sena xogħol intremew f’ħakka t’għajn, u wissa li d-drittijiet tiegħu kienu miksura meta l-akkużi saru kontrih.
Spjega li l-Maġistrat Gabriella Vella kienet sejħitlu bħala xhud u li spjega fid-dettall ix-xogħol tiegħu bħala awditur. Qal biċ-ċar li hu lanqas biss iltaqa’ ma’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat.
Iddur fuq l-esperti, l-ILLUM saret taf li mhux normali li la l-Maġistrat u lanqas il-pulizija ma jibagħtu għal xi ħadd meta jkunu qed jiġu investigati.
Espert minnhom qalilna li anke meta saħansitra tiġġieled mal-ġirien, “ukoll jitolbuk tinżel l-għassa għal testimonjanza min-naħa tiegħek, aħseb u ara f’inkjesta ta’ dan il-kobor.”
“Le, fil-bidu normali li l-pulizija ma tgħidx li qed tinvestiga persuna, għax x’jiġri jekk l-akkużat ibagħbas l-evidenza?” espert minnhom qal.
“Tasal f’punt imma,” argumenta espert ieħor, “li trid tkellem l-akkużat, b’avukat miegħu. Tinterrogah u ssir taf in-naħa tal-istorja tiegħu. Issa jekk l-akkużat jeżerċitax id-dritt tas-silenzju, affarih, imma tkellmu.”
Sadanittant, il-pulizija u l-Avukat Ġenerali, qalu li huma, la huma obbligati u lanqas għandhom għalfejn jinterrogaw l-akkużat qabel il-konklużjoni.
Jiddefendihom fuq il-programm Xtra, it-tnejn li għadda, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, enfasizza li l-akkużi ħarġu abbażi evidenza miġbura mill-Maġistrat. Dan filwaqt li l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jfakkar li investigazzjoni mill-pulizija ma xxekkilx inkjesta maġisterjali, u l-Kummissarju tal-Pulzija “kellu jagħmel interrogazzjonijiet qabel, mhux issa.”