'Tela' fuq dahri u qabad jagħtini fuq spalti, rasi, saqajja u tagħni xutt fil-kustilji' Jixhed il-vittma li ġie attakkat minn uffiċjali ta' TM

L-Uffiċjali ppruvaw iwaqqfu lil vittma għax kien qiegħed isuq b'mod eċċessiv u minkejja li ma rreżistiex meta niżel mill-karozza, attakkawh

Ritratt: MaltaToday
Ritratt: MaltaToday

Il-raġel li deher f'filmat jiġi attakkat minn żewġ uffiċċjali ta' Transport Malta (TM) xehed fil-Qorti li l-unika raġuni għaliex kien qiegħed isuq jgħaġġel kien għax ċemplitlu oħtu għall-għajnuna. 

Aktar kmien illum iż-żewġ uffiċjali ta' TM, raġel ta' 42 sena minn Ħaż-Żabbar u raġel ta' 38 sena mill-Qrendi, ġew akkużati li kkaġunaw tbatija fiżika severa bħala tpattija ta' att li wettaq, bi vjolazzjoni ta' dmirijiethom, li żammew raġel illegalment u li fallew milli jinformaw lil pulizija li żammew lil vittma minnufih. Dan apparti li ġew akkużati li kkawżaw ġrieħi ħfief, li attakkaw, insulentaw u heddu lill-vittma, li kissru l-paċi pubblika u li saqu b'mod mgħaġġel f'żona fejn mhux suppost, ironikament ir-raġuni għaliex kienu waqqfu lill-vittma. 

Min-naħa l-oħra l-vittma wkoll qiegħed jiġi akkużat; Li saq b'mod perikoluż u li naqas milli jieqaf kif ordnat mill-uffiċjali fost oħrajn. 

Intant il-vittma - ħaddiem tal-kura tas-saħħa fl-Isptar Monte Carmeli - spjega li malli niżel mill-karozza li kien qiegħed isuq intalab jinżel mal-art, "ftit wara ġie xi ħadd u qabad jagħtini." Mill-awla tal-Qorti huwa ipponta lejn wieħed mill-uffiċjali. 

"Tela' fuq dahri u qabad jagħtini fuq spalti, rasi, saqajja u tagħni xutt fil-kustilji," qal il-vittma. Huwa żied jgħid li għall-ewwel ma setax jara minn kien l-uffiċjal li attakkah, meta imbagħad qam ra ż-żewġ uffiċjali li attakkawh b'idejhom u b'oġġett ieħor li ma setax jidentifika. "Wieħed minnhom neħħa l-helmet," qal b'referenza għall-akkużat ta' 42 sena. 

Waqt din is-seduta xehed ukoll ir-raġel li ħa l-filmat tal-vittma jiġi attakkat. Huwa qal li kien qiegħed fuq il-bejt meta sema sirena u ra raġel mal-art. "Dak il-ħin huwa ma rreżistiex u obda l-uffiċjali. Imbagħad rajt żewġ uffiċjali jattakkaw lil dan ir-raġel." Huwa spjega li ma xtaqx li jippubblika dan il-filmat, "iżda l-kuxjenza ma' ħallitnix inżommu moħbi." 

Huwa kompla jispjega li kien ra lill-vittma ħiereġ mill-karozza tiegħu b'idejh mgħollija. Meta imbagħad ġie mistoqsi dwar x'kien qiegħed jagħmel il-vittma mumenti qabel ma ġie attakkat, huwa wieġeb "xejn. Malli ġiet it-tieni persuna tiġri minn fuq il-mutur mar għalih u qabad itih."

Fl-aħħar ta' din is-seduta, iż-żewġ uffiċjali ċaħdu l-involviment tiegħu. Minkejja dan, il-Maġistrat ordnatilhom biex ma javviċinawx lill-akkużat jew lil membri tal-familja tagħhom. 

More in Qrati u Pulizija