Raġel minn Santa Venera inżamm taħt arrest hekk kif aktar kmieni illum tressaq il-Qorti taħt l-akkuża li ta n-nar lill-karzza ta' Adrian Zammit kif ukoll ikkawża ħsarat lil scooter li kien qiegħed ipparkjat fil-viċinanza. Zammit, imlaqqam 'il-Bebbuxu', huwa personalità magħrufa ma' bosta nies.
Il-każ seħħ fit-30 ta' Ottubru fis-1:00a.m. meta l-għassa tal-Ħamrun irċeviet rapport ta' karozza li kienet qed tieħu n-nar. Mill-investigazzjonijiet tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri irriżulta li l-akkużat kien qiegħed jagħmel użu minn Toyota Starlet u dakinhar saq fl-akkwata diversi drabi qabel ma' waddab basket blu taħt il-karozza, kesa l-karozza b'likwidu u taha n-nar.
Il-Pulizija mal-ewwel identifikat lill-akkużat hekk kif huwa kien diġà magħruf mal-Pulizija li ta n-nar minn tal-inqas ħames karozzi oħra, li kollha kemm huma huwa sid tagħhom. L-aħħar li qabbad il-vettura tiegħu stess, il-pulizija ma kellhomx biżżejjed evidenza biex jakkużawh bi frodi tal-assigurazzjoni privata.
Fi tfittxija fil-garaxx tal-akkużat instabu wkoll għadd ta' number plates li kienu irrapportati misruqa fil-bidu ta' Ottubru.
Meta Mangion ġie mistoqsi mill-Pulizija dwar dan il-każ huwa ċaħad l-involviment tiegħu minkejja li l-Pulizija kienet sabet l-istess ħwejjeġ li deher bihom fil-filmati ta' CCTV barra minn daru.
Intant dalgħodu fil-Qorti huwa reġa' ċaħad l-involviment tiegħu fil-fatt l-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest. Minkejja dan huwa ma ngħatax il-ħelsien għal diversi raġunijiet, fosthom li għad fadal min jixhed u li huwa kien parti minn investigazzjoni pendenti, inkluż ta' reati oħra.