Erba' persuni arrestati b'rabta ma' kriminalità organizzata, allegat traffikar ta' droga u ħasil ta' flus

Il-Pulizija sabet kokaina, pistola u munizzjon, ponn tal-ħadid, €15,000 f'kontanti u ħwejjeġ tad-ditta fost oħrajn

Ritratt meħud mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Ritratt meħud mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Erba' persuni ġew arrestati waqt ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, b'rabta ma' gruppi ta' kriminalità organiżżata, allegatament involuti fi traffikar ta' droga u ħasil tal-flus. 

Il-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar allegat bejgħ tad-droga li kienet se ssir matul il-jum tal-bieraħ u għaldaqstat minn kmieni filgħodu bdiet osservazzjoni fuq vettura li kienet qed tinstaq minn raġel ta' 40 sena, residenti l-Pietà. 

Wara xi ħin, il-pulizija ċċirkondat il-vettura fi Triq Oscar Zammit, l-Imsida u minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu 102 kapsuli b’sustanza suspettata kokaina, kif ukoll ponn tal-ħadid. It-tfittxija kompliet f’ħanut tal-istess raġel fi Triq Nicolò Isourd, il-Marsa fejn hemmhekk instabu 14-il kapsola oħra, b’sustanza suspettata li hija wkoll kokaina. L-ammont ta’ droga kokaina misjuba tammonta għal ftit inqas minn 1.2 kilo, b’valur fit-triq ta’ madwar €95,000. 

Ritratt meħud mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Ritratt meħud mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Fl-istess ħanut fil-Marsa, ġie arrestat żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Marsa, li fil-pussess tiegħu nstabu oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll numru ta’ pakketti allegatament kannabis biex jinbiegħu.

Fl-istess waqt li kien qiegħed isir l-arrest fl-Imsida, il-Pulizija ċċirkondaw residenza fi Triq id-Duluri, l-Pietà, fejn ġew arrestati żewġt irġiel ta’ 29 sena u 56 sena. Minn tfittxijiet illi saru fir-residenza l-Pulizija sabet aktar sustanza suspettata kokaina, miżien, pistola u munizzjon u numru ta’ mobiles, kif ukoll oġġetti oħra relatati ma’ allegat traffikar ta’ droga.

Waqt it-tfittxijiet f’dawn il-postijiet, il-pulizija elevat madwar €15,000 fi flus kontanti, ħwejjeġ tad-ditta u ammont ta’ ġojjellerija. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia qiegħda tmexxi inkjesta. L-erba’ persuni qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana, waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija