Żagħżugħ akkużat li stupra tfajla ta' 15; Jgħid li waqaf meta nduna li ma riditx tkompli miegħu

Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda bi sħab it-tfajla jibqgħu jsegwu liż-żagħżugħ f'Paceville sakemm waslu l-Pulizija u arrestawh

Żagħżugħ ta’ 22 sena tressaq il-Qorti akkużat bi stupru ta’ tfajla ta’ 15-il sena li tinsab f’Malta biex tistudja l-Ingliż. 

Iż-żagħugħ mill-Pakistan tressaq il-Qorti llum akkużat bl-istupru li allegatament seħħ nhar is-Sibt li għadda f’ Paceville.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-arrest taż-żagħżugħ seħħ wara li l-Pulizija ta’ San Ġiljan ġew infurmati li tfajla ta’ 15-il sena sfat stuprata u sħabha kienu baqgħu isegwuh biex ma jaħrabx jew inkella jintilef fil-folla.

Il-vittma ġiet mill-Iżvezja biex tistudja l-Ingliż u ltaqgħet maż-żagħżugħ f’Paceville u mxiet miegħu għal post aktar kwiet fl-inħawi. 

Skont dak li qalet il-vittma, huma bdew jitbewsu imma ż-żagħżugħ ried ikompli u spiċċa biex ippenetraha kontra r-rieda tagħha.

Iż-żagħżugħ kien arrestat ftit tal-ħin wara.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat ikkonferma li kien qed jagħmel is-sess mat-tfajla imma waqaf meta hi qaltlu li ma tridx tkompli. Ikkonferma wkoll li kien jaf li kienet taħt l-età.

Huwa għalhekk li wieġeb mhux ħati u d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Madanakollu l-Prosekuzzjoni ma qablitx anke għax għad fadal tliet persuni x’jixhdu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li ż-żagħżugħ ma għandu l-ebda rabta ma’ Malta anke għax kien għadu kemm jasal biex isib xogħol u kien qed jgħix ma’ ħabib tiegħu f’Birkirkara.

Il-Qorti ordnat li ż-żagħżugħ jinżamm arrestat. 

More in Qrati u Pulizija