Andrea Prudente tiftaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Gvern wara li ma sarilhiex abort f'Malta

Iktar kmieni dan ix-xahar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne - ħabbar li mal-ftuħ tal-Parlament se jippreżenta emendi ġodda, wara reviżjoni tal-pożizzjoni ta' Malta dwar l-abort

Andrea Prudente ma' żewġha Jay
Andrea Prudente ma' żewġha Jay

Mara Amerikana - Andrea Prudente -  li kienet rifjutata abort f'Malta minkejja li kellha tqala li potenzjalment kienet perikolża u li żgur ma kinitx se tispiċċa l-kors kollu tagħha, fetħet każ Kostituzzjonali kontra l-Ministru tas-Saħħa, u argumentat li l-projbizzjoni kontra kull terminazzjoni ta' tqala hija ksur tal-Liġi Internazzjonali. 

Iktar kmieni dan ix-xahar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne - ħabbar li mal-ftuħ tal-Parlament se jippreżenta emendi ġodda, wara reviżjoni tal-pożizzjoni ta' Malta dwar l-abort.

It-tobba Maltin irrifjutaw li jitterminaw it-tqala għal raġunijiet legali minħabba li l-fetu kien għad kellu polz, minkejja li l-mara kienet tilfet il-fluwidu ta' madwar it-tarbija u l-plaċenta kien inqala'. Il-projbizzjoni assoluta f'Malta fissret illi t-tobba ma setgħux iwettqu abort, mingħajr ma jiffaċċjaw akkużi kriminali serji. 

F'applikazzjoni dalgħodu quddiem il-Qorti l-avukat Lara Dimitrijevich f'isem Prudente talbet lill-Qorti Ċivili biex tiddikjara is-sezzjonijiet applikabbli fil-Kodiċi Kriminali jiksru l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Bħala konsegwenza ta' dan, il-Qorti qed tintalab tiddikjara li Prudente kienet sofriet minn ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha u allura li l-Istat għandu jikkumpensaha għad-danni li sofriet. 

"Il-mara ma kellha ebda għażla ħlief li tistenna sakemm ġisimha jmur fil-proċess tat-twelid, proċess li jista' jdum ġimgħat jekk mhux xhur u allura hi kellha tfittex kura barra mill-pajjiż, bil-periklu li tiżviluppa is-Septicaemia jew inkella titlef ħafna demm," qalet l-Avukat Difensur. Prudente, sussegwentement, kellha tittieħed lejn Spanja fejn sarilha l-abort. 

L-avukat irrimarkat li l-esperjenza tal-mara kienet waħda trawmatika u għadha ssofri sal-lum minn dak li kien ġara. "Hija għaddiet minn dan kollu għaliex il-liġijiet tagħna ma jippermettux it-terminazzjoni ta' tqala, anke jekk il-mara jkollha saħħitha f'riskju," temmet tgħid Dimitrijevich. 

More in Qrati u Pulizija