Isem il-Ministru jibqa' misteru iżda jissemma' ġurnalist tal-ONE fi proċeduri kontra uffiċjali tat-TM

L-ismijiet dehru f’chats li qed jiġu investigati fil-każ ta’ koruzzjoni  tliet uffiċjali ta’ Transport Malta ġew akkużati b’tixhim 

Isem ta' ġurnalist tal-ONE huwa fost l-istudenti li qed jiġu investigati wara li ġew allegatament mgħejjuna sabiex jgħaddu t-testijet tas-sewqan.

L-ismijiet dehru f’chats li qed jiġu investigati mill-pulizija bħalissa fil-każ ta’ koruzzjoni fejn tliet uffiċjali ta’ Transport Malta ġew akkużati b’tixhim għax allegatament għenu studenti jgħaddu t-testijet tas-sewqan.

Dan kollu ħareġ fis-smigħ tal-każ dalgħodu stess fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Sfortunatament il-pulizija għadhom qed jiġbru u jipproċessaw ammont kbir ta’ evidenza u għalhekk s’issa għadhom ma bdewx isejjħu lin-nies għall-interregazzjoni speċjalment in-nies illi talbu speċifikament lid-Direttur ta’ Transport Malta, Clint Mansueto għall-għajnuna.

Clint Mansueto, direttur ta’ Transport Malta flimkien mal-uffiċjali Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit, ċaħdu akkużi ta’ korruzzjoni meta l-ewwel darba dehru quddiem il-Qorti.

Il-pulizija kienu bdew l-investigazzjonijiet wara traċċi ta’ korruzzjoni minn interpretu barrani li beda’ jisejjaħ regolarment biex jassisti kandidati, mhux Maltin u lanqas Ingliżi, waqt it-test tat-teorija tagħhom.

Għalkemm il-kompitu tiegħu kien li jaqra u jittraduċi mistoqsijiet, l-interpretu sostna li diversi drabi ġie kkuntattjat mid-direttur, Mansueto, biex imur lil hinn mis-sejħa tad-dmir tiegħu billi jindika t-tweġibiet korretti lill-kandidati.

Din l-informazzjoni ngħatat lill-pulizija fl-2020, oriġinarjament permezz ta’ email u aktar tard waqt l-interrogazzjoni tal-whistleblower li semma wkoll każ wieħed fejn Mansueto kien stqarr li ħassu “obbligat li jgħin lil erba’ kandidati Għarab li kienu ħadmu fil-villa ta’ ministru”.

F’seduta preċedenti, il-Qorti kienet semgħet kif Mansueto qal lill-pulizija li ħassu “taħt pressjoni” biex jgħin lil ċerti nies jgħaddu mit-test “għax kienu qed jaħdmu f’villa ta’ ministru tal-Gvern”. Iżda meta l-każ kompla illum, l-Ispettur tal-prosekuzzjoni Wayne Borg iċċara li l-Ministru kien allegatament issemma minn Mansueto lill-whistleblower u mhux lill-investigatur innifsu.

Minn dakinhar, l-interpretu kien telaq mill-pajjiż u Mansueto qatt ma reġa' semma l-ebda ministru waqt l-interrogazzjoni.

More in Qrati u Pulizija