Allegat ħalliel li nqabad jisraq jaqbeż sular biex jaħrab mill-Pulizija fil-Mosta

Huwa tressaq il-Qorti b'akkuża ta' żewġ serqiet li seħħew fil-15 ta’ Awwissu minn appartamenti fil-Mosta iktar kmieni illum

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

Allegat ħalliel li weġgħa lilu nnifsu waqt li kien qiegħed jaħrab mill-pulizija wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta' serq aggravat u li fil-pussess tiegħu kellu oġġetti misruqa.

Ir-raġel ta' 33 sena minn Ġeorġja tressaq il-Qorti akkużat b'żewġ serqiet li seħħew fil-15 ta’ Awwissu minn appartamenti fil-Mosta. Huwa daħal izappap fl-awla u xi drabi viżibilment miġugħ. 

Meta l-Qorti għamlet nota ta' dan u staqsiet x'ġara, l-ispetturi preżenti wieġbu li l-akkużat qabeż l-għoli ta' sular sabiex jaħrab lill-uffiċjali li provaw jarrestawh. L-Ispettur spjega wkoll li r-raġel kien ħareġ mill-isptar ilbieraħ. Minħabba dan, huwa ingħata l-permess jibqa' bilqegħda għall-kumplament tal-kawża.

L-Avukat difensur ressaq dikjarazzjoni ta’ mhux ħati f’isem ir-raġel iżda l-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.

Il-Qorti, qabel ma bagħtet l-atti tal-każ lir-reġistratur, ġibdet l-attenzjoni lid-direttur tal-ħabs għall-fatt li l-akkużat kien għadu kemm ħareġ mill-isptar iżda “jidher ċar li kellu wġigħ u jeħtieġ aktar attenzjoni medika.”

More in Qrati u Pulizija