Fl-istqarrija tagħha Aquilina spjegat li l-episodju kien argument vokali li ġibed l-attenzjoni tal-pulizija li kienu fuq il-post minħabba miżuri ta’ sigurtà għall-familja. Hija sostniet li, minkejja l-eskalazzjoni fil-vuċi, ma seħħet l-ebda forma ta’ vjolenza fiżika bejnha u żewġha.
Jeanette Aquilina esprimiet diżappunt qawwi għal kif il-każ ġie trattat fil-pubbliku, b’referenza għal informazzjoni li, skont tagħha, ġiet “immanipulata u mhedija minn sorsi fil-Korp tal-Pulizija” u użata sabiex “jattakkaw u jmexxu kampanja ta’ ħsara fuq żewġha u fuq il-familja”.
Hija saħqet li ma ġiet ippreżentata l-ebda talba għall-maħfra fil-Qorti, kif ġie rrappurtat minn ċerti mezzi tal-midja, iżda li sempliċement talbet biex il-proċeduri kontra żewġha jieqfu. “Din mhijiex storja kriminali, iżda kwistjoni privata, familjari,” qalet Aquilina.
Fl-istqarrija tagħha, hi identifikat l-involviment pubbliku ta’ Robert Aquilina bħala wieħed mill-fatturi li qajjem tensjoni kbira fil-ħajja tagħhom bħala koppja. Madankollu, esprimiet xewqa li, flimkien ma’ żewġha, jimxu 'l quddiem f’dak li jaraw bħala l-aħjar għażla għalihom u għat-tfal tagħhom.
“Ma nistax inħalli li dak li għedt lill-Pulizija jintuża kontra żewġi biex jiġi mdawwar f’għodda ta’ persekuzzjoni politika,” insistiet, waqt li appellat biex tħalli t-trankwillità terġa’ lura fil-ħajja tal-familja tagħhom.