Żagħżugħ jiċħad l-akkużi li stupra żewġ tfajliet f'inqas minn 24 siegħa
Waħda mit-tfajliet li allegatament sfat stuprata għandha inqas minn 18-il sena

More in Qrati u Pulizija
Waħda mit-tfajliet li allegatament sfat stuprata għandha inqas minn 18-il sena
Żagħżugħ ta’ 21 sena ċaħad li stupra żewġ tfajliet, waħda minnhom taħt l-età f’żewġ inċidenti separati f’inqas minn 24 siegħa.
Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti llum akkużat bl-istupru taż-żewġ tfajliet u li anke żammhom kontra l-volontà tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-ewwel każ, allegatament, seħħ ftit qabel nofsilejl fil-lejl tat-3 ta’ Ġunju, bit-tieni każ iseħħ fl-istess ħin, fl-4 ta’ Ġunju, fil-bajja tal-Armier.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif il-vittmi għad iridu jagħtu x-xhieda tagħhom.
L-Ispettur John Spiteri qal li waħda mill-allegati vittmi ma setatx tiddeskrivi liż-żagħżugħ hekk kif fil-ħin tal-allegat stupru, kienet fis-sakra.
Apparti minn hekk, l-Ispettur qal li diversi persuni li kienu mal-vittma u li anke wasluha biex tagħmel ir-rapport, joqogħdu viċin l-akkużat.
“Il-ftit li hi tiftakar huwa importanti ħafna,” qal l-ispettur. “Riżultati tad-DNA jorbtu lill-akkużat mal-vittma, iżda x-xhieda tagħha xorta tibqa’ importanti.”
Apparti mill-vittmi, mistennija jixhdu wkoll xi sidien li l-kameras tas-sigurtà tagħhom jistgħu jitfgħu aktar dawl fuq iż-żewġ każi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li t-tieni każ jinvolti tfajla taħt l-età.
Minkejja dan, id-Difiża baqgħet titlob għall-ħelsien mill-arrest anke għax fi kliemha, l-akkużat għandu kondotta nadifa, għadu jgħix ma’ ommu u missieru u huwa student.
Iżda l-prosekuzzjoni baqgħet toġġezzjona minħabba dawk li għad iridu jixhdu. Fost oħrajn semmiet ukoll żewġ xhieda li kienu fil-każin fejn l-ewwel vittma kienet qed tixrob, qabel allegatament l-akkużat offra li jwassalha d-dar.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-Difiża u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.