Wara li tajjar lil Antoine mar għand it-tellar u talbu jirranġa l-windscreen malajr

Huwa mill-garaxx tat-tellar stess li l-pulizija ġabru l-karozza tal-akkużat l-għada tal-inċident

Tellar xehed aktar kmieni illum kif il-ġuvni, akkużat bil-qtil ta' Antoine Degabriele, kien ħadlu l-karozza biex jirranġalu l-windscreen "kemm jista' jkun malajr."

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, it-tellar spjega kif l-akkużat riedu jsewwi l-karozza malajr kemm jista' jkun għax, skont hu, ma kellux karozza oħra. Il-karozza ġiet deskritta minnu bħala mitluqa u maħmuġa bil-windscreen imfarrak filwaqt li l-fanal u l-bonnet kellhom il-ħsara wkoll. Kompla jgħid ukoll li parts li kellu bżonn waslulu filgħaxija stess. Dan kollu seħħ fil-5 ta' Awwissu.

Il-Qorti semgħet kif l-għada l-pulizija marru fil-garaxx tat-tellar ġewwa x-Xgħajra f'Ħaż Żabbar u minn hemm ġabru l-karozza.

Ritratt ta' Luke Vella
Ritratt ta' Luke Vella

L-Ispettur Roderick Spiteri spjega x'ħareġ mill-investigazzjonijiet tal-każ, li kien deskritt bħala hit and run fi Triq Anton Buttigieg fiż-Żejtun, fl-4 ta’ Awwissu fil-11.00.pm.

Huwa qal li mill-filmati li raw, il-pulizija ħadu nota ta' żewġ karozzi jtellqu jew aħjar isuqu b’veloċità eċċessiva, bl-ewwel waħda tgħaddi tiġri u t-tieni waħda, allegatament misjuqha mill-akkużat, tolqot lill-vittma. L-Ispettur qal li raw il-vittma jogħla u jdur fl-arja iżda fl-ebda ħin ma jidher jinżel fl-art.

Minkejja li l-impatt innifsu, skont l-Ispettur, ma deherx fil-filmat, l-inċident seħħ qabel it-traffic lights li jinsabu ftit metri 'l bogħod minn fejn instab il-vittma. L-Ispettur stqarr li mill-filmat li kellhom ma setgħux jiġu identifikati s-sewwieqa għax kien meħud bil-lejl iżda għand il-Pulizija issa hemm diversi filmati oħra.

Kompla jispjega li meta nstab il-katavru, il-pulizija sabu wkoll fdalijiet ta' biċċiet minn karozza Demio Silver. Is-surġent li wasal fuq il-post ra katavru ta' raġel wiċċu ‘l fuq, mimli tbenġil u mdawwar bid-dubbien imma għarfu mil-ewwel minn rapport li kien daħal filgħodu stess.

Dan kollu wassal biex l-akkużat ikun arrestat tard filgħaxija tal-5 ta' Awwissu. L-akkużat ma wieġeb għall-ebda domanda tal-pulizija iżda qal li jiddispjacih għal dak kollu li ġara.

Min-naħa tiegħu l-avukat difensur insista li dan huwa reat ta’ natura involuntarja u talab lill-Qorti timponi diversi kundizzjonijiet kif ukoll teħles mill-arrest l-akkużat. Il-Maġistrat Ian farrugia qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fosthom għad trid tinstab terza persuna li hija importanti fl-investigazzjonijiet. Il-Qorti ċaħdet it-talba bl-akkużat jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija