Gordon Debono jitlob li ssir investigazzjoni fuq is-sors ta' xnigħat li hu kien involut fil-qtil ta' Daphne

Debono qal li din ix-xniegħa - li wara kienet ippruvata bħala falza - saret biex jinħeba min verament kien responsabbli ta' dan l-assassinju

Gordon Debono - li allegatament kien involut f'kuntrabandu taż-żejt - talab għal investigazzjoni urġenti mill-pulizija li permezz tagħha jkun identifikat is-sors li beda xniegħa illi hu kien marbut mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, xnigħat li huwa jfakkar illi kellhom l-oriġini tagħhom mill-Gvern. 

Fir-rikjesta tiegħu Debono isemmi l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fl-assassinju ta' Caruana Galizia, li fost oħrajn ikkonkludiet li l-Istat kellu responsabilità xi jġorr għax kien responsabbli fit-tixrid ta' tali xnigħat. 

Debono - li bħalissa qiegħed fuq ħelsien mill-arrest hekk kif qed jiffaċċja akkużi ta' ħasil ta' flus marbutin mal-kuntrabandu tal-fjuwil - staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda investigazzjoni fuq dawn ix-xnigħat u aktar minn hekk, fuq dawk responsabbli, "inkluż dawk li kienu jew għadhom jokkupaw pożizzjonijiet prominenti fil-Gvern." 

"Ovvjament illum huwa ċar kristall li dawn ix-xnigħat kellhom l-intenzjoni li jaħbu lil dawk li huma verament responsabbli jew li kellhom interess fil-każ - liema ismijiet illum huma pubbliċi," sostna Debono fl-ilment tiegħu. 

Debono kkwota l-atti tal-inkjesta fl-ittra tiegħu u qal li dan jagħmel ċar illi nies fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru - probabbilment f'referenza għal Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff f'Kastilja - mexxew il-possibilità li l-individwi wara l-assassinju kienu marbutin mal-kuntrabandu tal-fjuwil, xi ħaġa li fakkar illi saħansitra waslet għand il-midja internazzjonali. 

Debono kellu id diretta f'każ ta' żejt bil-kuntrabandu mil-Libja  bejn l-2014 u l-2015. Debono u martu Yvette kienu, sussegwentement, akkużati b'ħasil ta' flus. Irriżulta li dawn it-tnejn huma marbutin ma' 11-il kumpanija, li huma: Hi-Low Properties Ltd, Petroplus Ltd, KB Investments Ltd, KB Lines Ltd, Seabrass Ltd, Petrobunkers Ltd, Oil and Ship Ltd, Gorge Ltd, S-Cape Yacht Charter Ltd, S-Cape Ltd and Yves Ltd.

Waqt l-operazzjoni li waslet għall-arrest ta' dawn it-tnejn il-Pulizija kienet elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.

Intant Debono qal li is-sitwazzjoni hija ambigwa għax sa issa la l-ammont ta' flus allegatament maħsul u lanqas l-offiża għadha ma kienet identifikata. Huwa qal li għandu dubji serji jekk l-arrest tiegħu kienx premeditat jew ivvizzjat, minn persuni konnessi ma' politiċi tal-passat jew preżenti, kif ukoll dawk qrib il-Korp tal-Pulizija, sabiex tiġi mfixkla l-ġustizzja. 

L-avukat Roberto Montalto qed jassisti lil Debono. 

More in Qrati u Pulizija