Anzjan akkużat b'fastidju sesswali ta' tifla ta' ħames snin li daħħal id-dar biex jagħtiha x'tixrob

It-tifla u anke missierha xehdu llum fil-Qorti wara l-bibien magħluqa kontra l-anzjan li kien akkużat diġà b'reat simili

Anzjan ta’ 81 sena, tressaq il-Qorti llum akkużat b’fastidju sesswali ta’ tifla ta’ ħames snin li daħħalha d-dar tiegħu bil-wiegħda li jagħtiha x’tixrob.

Il-każ beda dalgħodu, bit-tifla u missierha jixhdu wara l-bibien magħluqa.

L-anzjan kien akkużat li kkorrompa tifla taħt it-12-il sena, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha, li ġiegħel persuna vulnerabbli jkollha x’taqsam miegħu u li wettaq reat meta kien taħt probation fuq każ simili.

Għalkemm fil-Qorti ma ħarġux ħafna dettalji, hu mifhum li r-raġel bagħbas lit-tifla fil-partijiet privati tagħha meta daħħalha d-dar tiegħu biex tixrob.

L-anzjan qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. 

Il-Qorti ordnat li l-każ ikompli wara l-bibien magħluqa anke għax kellha tixhed it-tifla stess permezz ta’ videoconferencing.

Hekk kif xehdu kemm it-tifla u anke missierha, l-anzjan ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Kien ordnat jgħaddi lill-Qorti l-passaport u l-karta tal-identità u jiffirma darbtejn fl-għassa tal-Pulizija.

More in Qrati u Pulizija