Żagħżugħ li jissimpatizza mal-lemin estrem jitressaq akkużat li hedded lil ommu

Iż-żagħżugħ ġieli deher viċin Norman Lowell iżda kien tkeċċa sentejn ilu mill-grupp Imperium Europa minħabba l-imġieba tiegħu

Żagħżugħ li jissimpatizza mal-lemin estrem u li mhux l-ewwel darba li deher viċin uffiċjali ta’ Imperium Ewropea, tressaq il-Qorti akkużat li hedded lil ommu u lis-sieħeb tagħha.

Iż-żagħżugħ tressaq dalgħodu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa qed ikun akkużat ukoll li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr liċenzja u li wettaq dawn ir-reati fi żmien li kien taħt probation.

Iż-żagħżugħ, magħruf għall-opinjonijiet estremi tiegħu, kien saħansitra mkeċċi mill-grupp Imperium Europa minħabba “karattru ħażin u mġieba aggressiva.”

L-Avukat Charles Mercieca li huwa parti mit-tim legali tad-difiża, talab li isem l-akkużat ma jkunx ippubblikat anke minħabba l-prospetti tax-xogħol tiegħu iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.

Min-naħa tagħha l-Qorti ma laqgħetx din it-talba anke għax qalet li l-uffiċjal tal-probation xorta waħda jrid ikollu kuntatt ma’ min iħaddem liż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ wieġeb ħati għall-akkużi li kiser il-probation u li kien qed iġorr arma tan-nar iżda wieġed mhux ħati għall-akkuża tat-theddid.

Il-Qorti tat liż-żagħżugħ il-ħelsien mill-arrest hekk kif kien assigurat li se jgħix ma’ oħtu. Huwa jrid jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija u anke josserva curfew.

Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-Qorti ordnat li ż-żagħżugħ jingħata kura għall-abbuż mill-alkoħol. 

Ordnatlu wkoll ma jaqlax inkwiet mal-familja jew inkella jispiċċa jaqla’ multa oħra ta’ €500. 

Wissietu biex ma jersaqx lejn ommu jew is-sieħeb tagħha, almenu għalissa. 

More in Qrati u Pulizija