Fuq tlieta toqgħod il-borma! Mario Degiorgio, ħu l-aħwa akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia, akkużat fuq ħasil tal-flus

Mario Degiorgio kien allega li Chris Cardona u l-avukat David Gatt kienu involuti fil-qtil ta' Caruana Galizia

Mario Degiorgio, ħu Alfred u George Degiorgio - l-aħwa akkużati bl-involviment fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - tressaq quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' estorsjoni u ħasil tal-flus wara li ġie arrestat ilbieraħ ġo daru, fil-Marsa. L-avukat ta' Degiorgio saħaq li dawn l-akkużi jmorru lura għall-2017 u 2018 u għalhekk kienu "reati qodma ħafna". 

Waqt l-interrogazzjoni tiegħu hu ma wieġeb l-ebda mistoqsija u għalhekk ma kkooperax mal-Pulizija. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi u flimkien mal-avukati tiegħu talab biex jinħeles mill-arrest, iżda dan ġie oġġezzjonat mill-avukat prosekutur minħabba n-natura serja tal-akkużi.  Dan għaliex hu kien ħasel il-flus ma' ħutu u kien hemm persuni oħra involuti.

Madankollu l-avukat difensur saħaq li Degiorgio ma kellu l-ebda interess li jersaq lejn is-sitt persuni li kienu se jixhdu fil-konfront tiegħu, b'mod partikolari fil-każ ta' Melvin Theuma - wieħed mix-xhieda prinċipali - li huwa taħt il-protezzjoni tal-Pulizija. Għaldaqstant il-Qorti rrifjutat milli tagħti l-ħelsien mill-arrest u nsistiet li l-prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda quddiem il-Qorti minnufih. 

Intant waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra Yorgen Fenech, il-mandat tal-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia, Melvin Theuma kien ta xi dokumenti lill-Pulizija. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu riċevuti mogħtija lill Theuma minn Mario Degiorgio biex juru t-transazzjonijiet tal-flus bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio. 

Apparti minn hekk tajjeb li wieħed ifakkar li Johann Cremona, sieħeb ta' Fenech, qal li Mario Degiorgio kien qal lil Melvin Theuma li Chris Cardona (dak iż-żmien Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista) u l-avukat David Gatt kienu involuti fil-qtil tal-ġurnalista. 

More in Qrati u Pulizija