'Jien qatt ma kelli x'naqsam ma' Chris Cardona imma Johann Cremona kien jinsisti li hu involut'

Melvin Theuma jgħid illi Johann Cremona kien qallu biex jgħid illi l-aħwa Degiorgio kienu qalulu li l-eks Ministru Cardona qabbdu bħala sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Yorgen Fenech, Johann Cremona li kien sieħeb ta' Fenech fin-negozju jirriżulta li kien qal lil Theuma li kien hemm tnejn oħra bħalu (sensara fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia).  Jirriżulta skont din ix-xhieda illi Cremona kien qal li lil dawn it-tnejn Theuma jafhom u li - skont Cremona - wieħed minnhom għandu rabtiet mal-eks Ministru Chris Cardona.

Mistoqsi mill-ispettur Keith Arnaud jekk hu staqsiex lil Cremona x'ried jgħid biha, Theuma wieġeb fin-negattiv. 

Iktar minn hekk iżda, Theuma jgħid li Cremona kien qallu biex jgħid illi l-aħwa Degiorgio qalulu li hu kien imqabbad minn Cardona.  "Imma dan mhu veru xejn!" jgħid Theuma.  Hu jisħaq li Cremona kien semma' lil Cardona diversi drabi u anke Yorgen, kien semmieh,  imma hu ħalef illi qatt ma kellu xejn x'jaqsam ma' Cardona jew il-familja tiegħu. 

"Imma Cremona kien jinsisti li Cardona kien ivolut," jgħid Theuma. 

Dan kollu seħħ illum waqt li Theuma - sensar fil-qtil tal-ġurnalista fl-2017 u li kien ukoll wettaq dak li l-pulizija qalu illi kien attentat ta' suwiċidju - kompla jixhed.  Dan filwaqt li komplew jinstemgħu r-recordings fil-Qorti, bi ftit li xejn iżda jinstema' minħabba li l-kwalità tal-awdjo kienet ħażina ħafna. 

Melvin Theuma qal li Johann Cremona kien qallu li ż-żewġ sensara l-oħra kienu "ta' Cardona" imma jgħid li waqt ir-recording ma kienx jaf dan. 

Chris Cardona kien mitlub jirreżenja minn Deputat Mexxej Laburista ftit xhur biss wara li Robert Abela inħatar Prim Ministru u wara li ma nħatarx Ministru fil-Kabinett ta' Abela. Cardona kien irriżenja minn Deputat iżda żamm postu bħala Deputat Mexxej, sakemm it-tneħħija tiegħu fetħet it-triq għal Daniel Josè Micallef, id-Deputat Mexxej Laburista kurrenti. 

More in Politika