L-uffiċċju tal-AĠ akkużat li għaġġel biex iressaq il-Qorti lill-Bank Pilatus u uffiċjal tiegħu

Dan hekk kif sena wara li bdew il-proċeduri fadal diversi persuni x'jixhdu filwaqt li l-Prosekuzzjoni llum talbet għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji minn diversi pajjiżi oħra

Il-Maġistrat li quddiemha qed jidher il-każ kontra l-eks uffiċjal tal-Bank Pilatus Claude Anne Sant Fournier ħaditha mal-Prosekuzzjoni f’dan il-każ hekk kif dawn fallew milli jispjegaw kif għad hemm madwar 50 persuna oħra li għad trid tixhed fil-proċeduri u dan minkejja li dwar dan il-każ hemm inkjesta maġisterjali li swiet lill-pajjiż €7.5 miljun.

Malli beda s-smigħ tal-lum, il-prosekuturi Marthese Grech u Ramon Bonett Sladden, li qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ppreżentaw numru ta’ ittri u dokumenti legali oħra u talbu dokumentazzjoni dwar xi kontijiet fil-Brażil, Spanja, id-Danimarka u l-Lichtenstein.

Kien hawn li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech staqsiet għaliex qed jippreżentaw dawn id-dokumenti issa meta l-każ ilu li beda. Dan apparti li fil-bidu tas-smigħ ukoll, espert tal-Qorti ppreżenta tliet hard drives ta’ 12-il terabyte ta’ dokumentazzjoni oħra.

L-Avukat tad-Difiża Stefano Filletti saħaq li ma jistax jifhem kif wara inkjesta maġisterjali u wara diversi investigazzjonijiet oħra li saru, din l-evidenza li qed titlob il-Prosekuzzjoni għadha mhux miġbura.

Saħaq li huwa “inkredibbli” li din l-informazzjoni qed tintalab sena wara li bdew il-proċeduri.

“Jekk hu minnu li din l-evidenza hija indispenabbli għall-każ, mela allura kif ħadd qabel ma identifika din l-informazzjoni nieqsa?”, staqsa l-Avukat.

Staqsa wkoll kif jista’ jkompli l-każ meta l-prosekuzzjoni qed tgħid li hemm evidenza indispenabbli li għadha mhijiex miġbura.

Huwa akkuża, kif għamel diversi drabi, lill-Prosekuzzjoni li ħaffet biex tressaq lill-klijenta tiegħu l-Qorti biex tidher li qed tagħmel xi ħaġa fuq dan il-każ.

Aktar tard tela’ jixhed ukoll l-eks direttur tal-Bank Philip Mercieca iżda l-Avukata tiegħu, Veronique Dalli staqsiet lir-rappreżentanti tal-Avukat Ġenerali biex jgħidu ċar u tond li Mercieca ma jispiċċax jiffaċċja proċeduri minħabba x-xhieda tiegħu.

Il-Prosekuturi qalu li ma jistgħux jagħmlu dan u li riedu jitkellmu mal-Ispettur tal-Pulizija li ma kienx preżenti għall-każ.

Dan ma niżel xejn tajjeb mal-Maġistrat li fakkret lill-Prosekuturi li d-deċiżjoni hija tagħhom u mhux tal-Pulizija u kkritikat ukoll il-fatt li l-Ispettur ma kienx preżenti.

Kien hawn li l-Maġistrat staqsiet lill-uffiċjali għaliex ħaffew biex iressqu dawn l-akkużi meta kellhom aktar informazzjoni, evidenza u xhieda x’jiġbru.

Insistiet li l-Qorti mhux se tittolera dan id-dewmien għax fi kliemha allura l-inkjesta tkun saret għalxejn.

Għal mistoqsija dwar kemm fadal nies jixhdu, l-uffiċjali tal-Avukat Ġenerali ma kellhomx informazzjoni eżatta anke jekk qalu li fadal madwar 50 persuna x’jixhdu.

“Ħa nsaqsikom mistoqsija,” qalet il-Maġistrat. “Għaliex dawn il-persuni tressqu l-Qorti?”

Il-każ se jkun qed ikompli fil-5 ta’ Ottubru.

More in Qrati u Pulizija