Lagħbu l-flus kollha li għaqdiet u nies taw bħala donazzjoni lil binhom b'kanċer

Iż-żewġ ġenituri qed ikunu akkużati b'miżapproprijazzjoni, frodi u ħasil ta' flus...

Il-ġenituri ta' tifel ta' seba' snin li kien marid bil-kanċer qed ikunu akkużati illi ffrodaw lil binhom stess meta nefqu flus li oriġinarjament kienu donazzjonijiet mill-pubbliku u għaqdiet ta' karità biex ikun mgħejjun fit-trattament mediku. 

Iż-żewġ ġenituri mill-Mosta qed ikunu akkużati b'miżapproprijazzjoni, frodi u ħasil ta' flus. Iż-żewġ akkużati qalu illi ma għandhomx impjieg bħalissa. 

Il-Prosekuzzjoni ma qablitx mad-Difiża dwar ħelsien mill-arrest għall-missier u emfasizzat illi l-koppji kienu akkużati li ffrodaw lil binhom stess, kif ukoll entitajiet oħrajn u nies li taw id-donazzjonijiet sabiex binhom jingħata l-għajnuna. "Imma minflok użawhom għal dan il-għan, lagħbuhom!" Il-Prosekuzzjoni qalet li mhux se toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tal-omm sempliċiment għax ma xtaqitx illi toħloq aktar tbatija għat-tifel.

Minn naħa l-oħra iżda l-Prosekuzzjoni qalet illi l-missier huwa kwistjoni oħra, hekk kif għandu rekord kriminali ta' 26 paġna u mhuwiex ta' min jafdah. Fakkret ukoll li l-investigazzjoni għadha fi stadji bikrija u għad iridu jixhdu dawk li taw id-donazzjonijiet.

Il-missier qal illi l-flus li nefaq fil-logħob kienu flus li rebaħ, iżda wara li l-pulizija investigat aktar sabet illi filwaqt li huwa veru li l-akkużat rebaħ xi flus, dan huwa ħafna inqas mill-ammont li lagħab. 

Il-Prosekuzzjoni qalet illi l-omm kienet taf b'dan kollu u li fil-fatt il-missier kien qed jilgħab flus li tgħaddilu hi. 

Id-difiża informat lill-Qorti li l-akkużat biddel ħajtu, xi ħaġa li kienet rikonoxxuta mill-Qorti Kriminali, f'każ separat li kellu. 

 

More in Qrati u Pulizija