Il-Pulizija jsibu raġel għarwien jattakka lil mara b'biċċa mera mkissra

Il-Pulizija kellhom jiżgassaw il-bieb wara li rċevew rapport ta' għajjat u ġlied ġej minn residenza

Raġel ta’ 40 sena mill-Furjana nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li attakka u weġġa’ lis-sieħba tiegħu b’biċċa mera mkissra.

L-akkużat li huwa missier ta’ żewġt itfal, tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, dalgħodu, akkużat li attakka lill-mara, li kkawżalha ġrieħi gravi u li pprova jkollu x’jaqsam magħha kontra l-volontà tagħha.

L-Ispettur Eman Hayman spjega kif il-Pulizija rċeviet rapport ta’ għajjat u ġlied li kien ġej minn residenza. Malli waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu lil omm il-vittma fuq barra, tgħajjat u tħabbat mal-bieb tad-dar biex tidħol ġewwa.

Kompla li l-Pulizija kellha tisfoza l-bieb il-ġewwa biex tidħol fir-residenza. Huma sabu lill-akkużat għarwien lest biex jattakka lill-vittma. Jidher li l-mara kellha diġà xi ġrieħi kkawżati minn daqqiet b’biċċa mera mkissra.

L-Avukat Matthew Xuereb, li qed jidher għall-akkużat staqsa jekk il-mara qattx fetħet xi rapport kontra r-raġel. L-Ispettur wieġeb fin-negattiv iżda fakkar ukoll li l-filmati miġbuda mill-body cams tal-Pulizija huma biżżejjed.

Spjega kif meta l-Pulizija daħlet fir-residenza, il-mara marret tiġri tgħannaq lill-uffiċjali.

Mistoqsi wkoll jekk l-akkużat kienx taħt xi sustanzi, l-Ispettur qal li l-akkużat beda jitkellem iżda kliemu ma kienx qed jagħmel sens.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u insistiet li huwa ċar li l-allegata vittma ma xtaqitx li l-Pulizija tieħu passi. Qal li l-akkużat għaddej minn żmien diffiċli u saħansitra, l-Avukat Xuereb, qal li dan il-każ kien “ivvintat kompletament” mill-Prosekuzzjoni.

Madanakollu, il-Qorti ċaħdet it-talba tad-Difiża, kemm minħabba l-akkużi u anke minħabba r-rekord kriminali tal-akkużat.

More in Qrati u Pulizija