Il-Qorti ma tilqax it-talba ta' Yorgen Fenech fuq rekordings bejn Melvin Theuma u l-Koħħu

Huwa kien qiegħed jakkuża lill-gazzetta MaltaToday fuq disprezz lejn il-Qorti meta ppublikat partijiet mir-rekordings 

Il-Qorti ma laqgħetx żewġ talbiet minn Yorgen Fenech li akkuża lill-gazzetta Maltatoday disprezz lejn il-Qorti meta pubblikat diskursati li jinstemgħu f'rekordings li qed jiġu esebiti fil-Qorti u li jitrattaw il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Dawn ir-rapporti kienu jitrattaw dak żvelat minn Melvin Theuma, is-sensar fil-qtil tal-ġurnalista u juru kif Theuma kien ingħata informazzjoni li Vince Muscat - magħruf bħala l-Koħħu għamel talba biex jingħata maħfra presidenzjali biex jiżvela xi informazzjoni li kellu. 

Artiklu ieħor żvela li Theuma kien qal li persuni fi ħdan Kastilja kienu beħsiebhom jitfgħu l-ħtija tal-qtil ta' Caruana Galizia fuq Darren Debono, ir-raġel suspettat bl-involviment f'operazzjoni internazzjonali ta' kutrabandu ta' fjuwil. Dan filwaqt li ġie irraportat li Theuma kien qiegħed jiġi infurmat fuq l-iżviluppi tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Artiklu ieħor kien jgħid li Edwin Brincat, magħruf aħjar bħala il-Ġojja, kien qiegħed jgħid lil Theuma kif għandu jitkellem meta jirrekordja konverżazzjonijiet ma' Fenech. 

Id-Direttur Eżekuttiv ta' MediaToday Saviour Balzan flimkien l-Editur Eżekuttiv ta' MaltaToday Matthew Vella qalu fil-Qorti li ħafna mill-informazzjoni ppublikata mill-MaltaToday ma kinitx ġejja minn informazzjoni li ħarġet mill-Qorti. Dan ifisser li ma kinux milquta mill-projbizzjoni tal-ippubblikar maħruġa mill-Qorti stess. 

Vella stqarr li kemm hu kif ukoll Balzan ma kellhomx fil-pussess tagħhom it-traskrizzjonijiet ta' seduti fil-Qorti u r-rapporti kienu ibbażati minn rekordings ta' interrogazzjonijiet tal-Pulizija mhux mir-rekordings bejn is-suspettati jew mit-traskrizzjonijiet tagħhom. 

Madankollu l-Qorti ddikjarat li ma kinitx konvinta minn dan kollu u saħqet li, "huwa evidenti li f'ċertu partijiet tal-artikli l-informazzjoni inkisbet mit-traskrizzjonijiet innifishom. Din l-imġieba minkejja li mhix kontra l-liġi, f'dawn iċ-ċirkostanzi, setgħet faċilment tiġi interpretata f'preġudizzju kontra l-interess tal-ġustizzja." 

Minkejja li Vella u Balzan ma nstabux ħajta, il-Maġistrat temm jgħid li," Vella u Balzan għandhom isaqsu lilhom infushom jekk dawn il-publikazzjonijiet kienux ta' interess pubbliku, jew le."

More in Qrati u Pulizija