Raġel diġà akkużat b'serq jerġa' jisraq anzjana ġewwa l-Ħamrun

Ir-raġel ta’ 43 sena minn Ħal Qormi tressaq il-Qorti l-Ħamis filgħodu quddiem il-maġistrat fuq akkużi ta’ serq aggravati bil-mezzi tas-serqa u l-valur

Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lil raġel akkużat li wettaq serqa ta’ “snatch and grab” minn anzjana ta’ 82 sena mill-Ħamrun.

Ir-raġel ta’ 43 sena minn Ħal Qormi tressaq il-Qorti l-Ħamis filgħodu quddiem il-maġistrat fuq akkużi ta’ serq aggravati bil-mezzi tas-serqa u l-valur.

Hu mifhum li hu kien ħieles mill-arrest sakemm isir appell kontra sentenza ta’ ħabs li rċieva s-sena l-oħra b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet simili, kollha mmirati lejn nisa anzjani.

L-Ispetturi tal-Pulizija qalu lill-Qorti li l-akkużat kien seraq l-oġġetti tal-ġojjellerija mingħand il-vittma tiegħu ta’ 82 sena fi Triq Cordina Perez, il-Ħamrun. L-inċident seħħ it-Tnejn wara nofsinhar, għall-ħabta tas-1:15pm.

Huwa kien akkużat ukoll li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ imma wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Avukat difensur talab il-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda minħabba l-fatt li l-akkużat kien reċediv u tqies li ma kienx affidabbli.

More in Qrati u Pulizija