Raġel bla xogħol u bi problema tad-droga jwieġeb ħati għal serq ... il-Qorti tgħidlu biex isib l-għajnuna

'Fejn ma tistax tmur waħdek, itlob għall-għajnuna. Tirċiviha żgur,' qallu l-maġistrat

Mill-arkivji
Mill-arkivji

Raġel bla xogħol, residenti Santa Venera, inżamm arrestat sakemm tingħata s-sentenza, wara li wieġeb ħati li pprova jisraq raġel ieħor b'sikkina fil-Marsa.

Il-ġuvni ta' 24 sena ġie akkużat b’attentat ta’ serq, aggravat mill-vjolenza, li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tiegħu u li ġarr strument li jaqta’ u bil-ponta fil-pubbliku mingħajr liċenzja. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi.

Il-Qorti qalet lill-akkużat li kien fid-dmir li jinfurmah li l-piena għal dawn ir-reati kienet “pjuttost oneruża,” u tah żmien biex jerġa’ jikkunsidra t-talba tiegħu u jiddiskuti l-kwistjoni mal-avukat tiegħu. Huwa baqa’ jippersisti li hu ħati

L-Ispettur informa lill-Qorti li l-akkużat kellu problema akuta ta’ vizzju tad-droga u kien waqaf minn 7 programmi volontarji ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Fis-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni dwar il-piena, il-Qorti ntalbet timponi sentenza ta’ kustodja u ordni ta’ trattament biex tiżgura li l-akkużat jirċievi t-trattament meħtieġ biex jegħleb il-vizzju tiegħu, darba għal dejjem.

L-Ispettur żied jgħid li l-akkużat kellu bżonn lil xi ħadd biex “jaqbdu minn widintu u jġiegħlu jifhem li għandu bżonn l-għajnuna.”

“Fejn ma tistax tmur waħdek, itlob għall-għajnuna. Tirċiviha żgur,” qallu l-maġistrat.

Intant il-każ tmexxa għal nhar it-Tnejn imma l-akkużat se jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija