Bid-dmugħ f'għajnejha tammetti li ffrodat madwar €7,000 mill-banka tal-lottu fejn taħdem

Hija ġiet akkużata wkoll li għamlet rapport falz lill-pulizija filwaqt li vvintat evidenza

Eks-ħaddiema f'banka tal-lottu, viżibilment emozzjonata, ammettiet fil-Qorti li ffrodat €6,820 mingħand min iħaddimha.

Il-mara ta' 33 sena, mill-Mosta, tressqet il-Qorti llum waranofsinhar, akkużata bi frodi u miżapproprjazzjoni. Hija ġiet akkużata wkoll li għamlet rapport falz lill-pulizija filwaqt li vvintat evidenza.

L-ispetturi tal-Pulizija li qegħdin imexxu l-prosekuzzjoni, qalu lill-Qorti li l-akkużata kellha problema tal-logħob tal-azzard u dan intwera mill-ammonti ta' flus li hi lagħbet.

L-akkużata ġiet mistoqsija jekk hijiex qed tammetti l-akkużi, li għalihom l-akkużat bid-dmugħ wieġbet “iva”. Il-Qorti qaltilha li llum kien il-bidu ta’ kapitlu ġdid f’ħajjitha u li s-sistema kienet hemm biex tgħinha.

Il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li l-akkużata rritornat lura ftit mill-flus li kienet misapproprjat, iżda €6,820 kienu għadhom pendenti.

Ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament għall-vizzju tal-logħob tal-azzard ġew proposti bħala kastig.

More in Qrati u Pulizija