Milqugħa t-talba ta’ Yorgen Fenech biex data mill-mobile ta’ Keith Schembri tiġi preżentata

Milqugħa t-talba ta’ Yorgen Fenech biex data mill-mobile  ta’ Keith Schembri tiġi preżentata 

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef  Lawrence Mintoff laqgħet it-talba ta’ Yorgen Fenech biex data extraction mill-mobile ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat tiġi preżentata fil-Qorti.

Din id-deċiżjoni ngħatat meta kompla jinstema’ l-każ fejn Fenech, li jinsab mixli bl-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien għamel talba biex jitneħħa is-Supretendent Keith Arnaud minn fuq l-investigazzjoni marbuta mal-assassinju tal-ġurnalista.

It-talba tispeċifika diversi raġunijiet għaliex Arnaud għandu jitneħħa, fosthom dak li hu qed jallega r-rabtiet mill-qrib li allegatament  għandu ma’ Keith Schembri, l-uffiċjal tal-Pulizija. Għaldaqstant rappreżentant għall-Kummissarju tal-Pulizija għandu jixhed fis-seduta li jmiss li se ssir fl-20 ta’ Diċembru.

Wara li ngħata d-digriet mill-Qorti l-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li huwa nnota d-digriet u ddikjara li l-Kummissarju se jkun qed jesebixxi kopja tad-data kollha. Kompla jgħid li peress li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet b’rabta mal-omiċidju ta’ Caruana Galizia filwaqt li l-Kummissarju se jobdi d-digriet tal-Qorti u se jesegwixxi dak li hija ddeċidiet fuqu, għandu jiġi assigurat li tali informazzjoni minn din id-data ma tispiċċax għand terzi persuni, li m’għandhomx ikollhom aċċess għaliha.

L-Avukat Soler qal li l-Kummissarju qed jistieden lill-Qorti biex twissi li ħadd ma jagħmel użu mhux mistħoqq minn din id-data u li bħala uffiċjal pubbliku, li jfittex il-verità fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u li din tibqa’ biss għad-dispożizzjoni tal-Qorti.

More in Qrati u Pulizija