Tmienja kontra wieħed: Bojan Cmelik jinstab ħati tal-qtil ta' Hugo Chetcuti

Il-ġuri jagħti l-verdett: Bojan Cmelik ħati tal-qtil tal-intraprenditur

Bojan Cmelik u Chetcuti (fil-kaxxa)
Bojan Cmelik u Chetcuti (fil-kaxxa)

Bojan Cmelik instab ħati tal-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti, bi tmien voti kontra wieħed. Chetcuti miet wara li kien attakkat mill-istess Cmelik fis-6 ta' Lulju 2018 f'Paceville. 

Xhieda ta' dan l-attakk, inkluż ħu Chetcuti stess, kienu spjegaw lill-Qorti kif raġel deher jersaq lejn Chetcuti liebes shorts u kappell, għajjat għal Chetcuti u resaq lejh. Ir-raġel kien għolla jdejh daqslikieku kien se jgħannqu, imma minflok ħareġ sikkina u nifdu. 

Filmati CCTV kienu wrew lil Cmelik jiġri 'l isfel, permezz tat-taraġ ta' Santa Rita f'Paceville.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-avukat Joseph Giglio, f'isem il-familja, qal illi l-uniku kastig li jagħmel  sens f'dan il-każ hija ħajja priġunerija, hekk kif il-verdett imur oltrè mis-sitta li hemm stipulati fil-Liġi biex persuna tingħata din it-tip ta' sentenza. "Dan huwa messaġġ ċar mill-ġurati," qal Giglio, li qal li għalkemm il-Qorti għandha l-għażla li ma tagħtix l-aktar kastig aħrax dan ma jfissirx li għandha tagħti kastig inqas minn hekk. Ifakkar li Cmelik instab ħati fuq akkużi oħrajn, apparti l-qtil ta' Chetcuti. 

Aktar tard il-Qorti ddeċidiet favur sentenza ta' ħajja priġunerija. 

More in Qrati u Pulizija