Il-Qorti titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jiddikjara x'data kien hemm fil-mowbajl ta' Keith Schembri

... u titlob iżda li d-difiża ta' Yorgen Fenech tispeċifika x'informazzjoni trid minn dan il-mowbajl

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà

L-Imħallef Lawrence Mintoff ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiddikjara x'data hemm fil-mobile ta' Keith Schembri li jinsab fil-pussess tal-Pulizija u talab lill-avukati ta' Yorgen Fenech biex jiddikjaraw x'evidenza jridu li tkun esebita minn dan l-istess mowbajl. 

Dan wara li kienu l-istess avukati ta' Fenech li qalu illi l-Pulizija kellhom f'idejhom data mill-mowbajl mitluf ta' Keith Schembri, bil-Kummissarju tal-Pulizija jisħaq li dan mhu minnu xejn u li d-data li kellha l-pulizija ma kinitx mill-mowbajl mitluf iżda minn ieħor, u li dik li kienet qed tiġi investigata fih ma kellha xejn x'taqsam mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

L-Imħallef Mintoff għadda dan id-digriet illum fil-każ Kostituzzjonali li fetħu l-istess avukati ta' Fenech fil-każ biex jitneħħa l-investigatur ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista. 

L-Imħallef qal li d-dikjarazzjoni mid-difiża dwar l-informazzjoni fuq il-mowbajl ta' Keith Schembri, "mhix biżżejjed għall-Qorti."

"Mhux biżżejjed li hemm possibilità li fil-mowbajl hemm l-informazzjoni li qed tgħid li hemm id-difiża... il-Qorti tħoss li huwa l-applikant innifsu (Yorgen Fenech) li jrid jispeċifika minn qabel l-evidenza eżatta li jrid illi tiġi esebita." 

 

 

More in Qrati u Pulizija