L-Imħallef Edwina Grima ma tilqax it-talba tal-Avukati ta' Fenech biex tirrikuża ruħha mill-ġuri

Dan ifisser li se tkun l-Imħallef Grima li tmexxi l-ġuri kontra Yorgen Fenech fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

L-Imħallef Edwina Grima ma laqgħetx it-talba ta' Yorgen Fenech biex tirrikuża ruħha u ma tkunx hi li tmexxi l-ġuri kontrih, fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġuri għadda f'idejn l-Imħallef Grima wara li l-Imħallef Aaron Bugeja rrikuża ruħu waqt li saħaq li qed jagħmel dan minħabba li hu kien il-Maġistrat li mexxa l-inkjesta dwar il-kumpanija fil-Panama Egrant.

L-Avukati ta' Fenech ressqu t-talba għar-rikuża l-ġimgħa li għaddiet waqt li saħqu li l-Imħallef Grima tista' tkun ukoll imqabbda biex tmexxi s-smigħ ta' appell eventwali.

Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia ddeskriva din it-talba bħala waħda "frivola." Insista li b'dawn it-tattiċi, huwa l-akkużat biss li qed jispiċċa jagħżel min ikun l-Imħallef li se jmexxi l-ġuri kontrih.

Insista wkoll li huwa żball legali li d-Difiża talbet l-astensjoni u mhux ir-rikuża tagħha mill-każ.

Intant, dalgħodu, l-Imħallef Grima saħqet li t-talba tad-Difiża kienet "żbaljata legalment" u li l-astensjoni tal-Imħallef hija prerogattiva tagħha mhux tal-partijiet fil-każ.

Insistiet li ma hemm l-ebda ostakli li jwaqqfuha milli tmexxi dan il-ġuri.

More in Qrati u Pulizija