Raġel jitressaq il-Qorti akkużat li xerred ritratti espliċiti tal-eks tfajla tiegħu

Fil-Qorti nstema' kif ir-raġel ma setax jaċċetta li r-relazzjoni bejnu u l-eks sieħba tiegħu kienet spiċċat u baqa' jsegwi l-passi tagħha

Raġel ta’ 31 sena, ta’ nazzjonalità Indjana, tressaq il-Qorti akkużat li ffastidixxa u li xerred filmati espliċiti tal-eks tfajla tiegħu, liema ritratti nxterdu mhux ħażin fuq il-mezzi ta’ kommunikazzjoni soċjali.

L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Maġistrat Josette Demicoli li l-akkużat ma tantx ħa tajjeb il-fatt li t-tfajla ma baqgħetx miegħu u li kien qed jagħmel minn kollox biex iżomm kuntatt magħha.

Jidher li l-vittma kienet bblokjat in-numru tiegħu biex ma jibqax iċemplilha iżda beda jibgħatilha ħafna imejls u saħanista kellha tbiddel anke l-indirizz elettroniku tagħha.

Kompla jisħaq li l-vittma bdiet titħasseb aktar meta ndunat li r-raġel kien qed jistaħba wara karozza waqt li hi kienet qed tistenna Tal-Linja.

Jidher li kien hemm xi inċident vjolenti, fejn il-vittma saħansitra spiċċat b’xi ġrieħi u anke rċeviet imejls fejn l-akkużat, allegatament, heddida li se jxerred ritratti espliċiti tagħha.

Skont l-Ispettur, il-vittma ma ħaditx din it-theddida bis-serjetà sakemm irċeviet imejl, mibgħuta wkoll lil diversi persuni oħra, u li fiha kien hemm filmat tagħha għarwiena.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u l-Avukat tiegħu, Robert Piscopo, talab għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax il-vittma kienet għadha trid tixhed.

Madanakollu d-Difiża saħqet li l-akkużat ilu mill-25 ta’ Ġunju ma jagħmel kuntatt magħha u li hu kien imweġġa’ għax il-vittma telqitu minħabba xi ħadd ieħor.

Spjega wkoll li jekk l-akkużat jispiċċa ma jaħdimx, kien se jitlef il-permess tar-residenza.

Il-Qorti meta semgħet l-argumenti kollha qablet li tagħti l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat u ħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

Huwa kien ordnat ma jagħmilx kuntatt mal-mara, lanqas permezz ta’ persuni terzi. Kien ordnat jiffirma fl-għassa darbtejn f’ġimgħa u jħallas depożitu ta’ €750 u garanzija personali ta’ €8,000.

More in Qrati u Pulizija