Ġlieda bejn żewġ ġirien twassal għal sejba ta' droga u arma pprojbita

L-akkużat wieġeb ħati u ngħata sentenza sospiża

Argument bejn żewġ ġirien waslet biex wieħed minnhom jispiċċa l-Qorti akkużat b’pussess ta’ droga u anke ta’ arma li biha wieħed jagħti daqqiet ta’ ponn. Fil-fatt, wara tfittxija li saret fir-residenza tiegħu, il-Pulizja sabet ammont ta’ kannabis, kokaina u eroina.

Ir-raġel li għandu 42 sena u residenti l-Mosta, tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq. Huwa kien akkużat b’pussess ta’ kannabis, kokaina u eroina. Kien akkużat ukoll b’pusess ta’ arma (knuckleduster) u li hedded lil ġar tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li r-raġel kien involut f’argument mal-ġar tiegħu u f’ħin minnhom mar iġib l-arma u hedded lir-raġel biha. L-akkużat ammetta li kien fil-pussess tal-arma u fil-fatt taha lill-Pulizija

Wara aktar tfittxijiet, instab li kien fil-pussess ta’ 142 gramma kannabis u ammont żgħir ta’ eroina u kokaina.

L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li r-raġel jingħata sentenza sospiża.

Fil-fatt huwa ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal sentejn. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

More in Qrati u Pulizija